Grupp ta’ tfajliet darba staqsewni, 'X’tixtieq li kont taf meta kont daqsna fl-età?' Kieku kelli nwieġeb din il-mistoqsija issa, ninkludi dan il-ħsieb: 'Nixtieq meta kont l-età tagħkom kont fhimt is -sinifikat tas-sagrament aħjar milli kont fhimtu dak iż-żmien. Nixtieq li kont fhimt is-sagrament bil-mod li ddeskriva l-Presbiteru Jeffrey R. Holland. Hu qal, “Waħda mill-istediniet fl-ordinanza sagramentali hi li tkun esperjenza tassew spiritwali, komunjoni qaddisa, tiġdid għar-ruħ. ’1”
Kif jista’ s-sagrament “ikun esperjenza tassew spiritwali, komunjoni qaddisa, tiġdid għar-ruħ” kull ġimgħa?
Is-sagrament isir esperjenza li ssaħħaħ spiritwalment meta nisimgħu t-talb tas-sagrament u nerġgħu nimpenjaw ruħna għall-patti tagħna. Biex nagħmlu dan, irridu nkunu lesti li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu.2 Fuq din il-wegħda, il-President Henry B. Eyring għallem: “Dan ifisser li rridu naraw lilna nfusna bħala Tiegħu. Se nqegħduh l-ewwel f’ħajjitna. Aħna se nkunu rridu dak li jrid hu minflok dak li rridu aħna jew dak li tgħallimna d-dinja li neħtieġu.' 3
Meta nieħdu s-sagrament, nibnu patt ukoll biex “niftakru dejjem” 4 f’Ġesu Kristu. Fil-lejl ta’ qabel ma hu ġie msallab, Kristu ġabar madwaru l-Appostli tiegħu u waqqaf is-sagrament. Qasam il-ħobż, bierku, u qallu, “Ħudu, u kulu; agħmlu dan b’tifkira ta’ ġismi li jifdikom.” 5 Imbagħad ħa l-kalċi mimli nbid, radd il-ħajr, tah lill-Appostli tiegħu biex jixorbuh, u qal, “Agħmlu dan b’tifkira ta’ demmi …, li inxtered għal kul minn jemmen f’ismi.” 6
Fost in-Nefiti u għal darb’ oħra fir-Restawrazzjoni tal-Knisja tiegħu fl-aħħar żmien, hu tenna li għandna nieħdu s-sagrament b’tifkira tiegħu.7
Aħna u nieħdu sehem mis-sagrament, nagħtu xhieda lil Alla li se niftakru f’Ibnu għal dejjem, mhux biss waqt l-ordinanza qasira tas-sagrament. Dan ifisser li kontinwament se nħarsu lejn l-eżempju u t-tagħlim tas-Salvatur biex nagħtu gwida lil ħsibijietna, l-għażliet tagħna, u l-azzjonijiet tagħna.8
It-talba tas-sagrament tfakkarna wkoll li rridu “nżommu l-kmandamenti tiegħu.” 9
Ġesù qal, “Jekk tħobbuni, żżommu l-kmandamenti tiegħi.” 10 Is-sagrament jagħtina opportunità għall-introspezzjoni u opportunità biex indawru qalbna u r-rieda tagħna lejn Alla. L-ubbidjenza lejn il-kmandamenti turini xi tfisser il-qawwa tal-evanġelju f’ħajjitna u paċi u spiritwalità akbar.
Is-sagrament jipprovdi żmien għal esperjenza verament spiritwali hekk kif nirriflettu fuq il-qawwa li tifdi u abilitanti tas-Salvatur permezz tal-Espjazzjoni tiegħu. Mexxejja tat-Tfajliet dan l-aħħar tgħallmet dwar is-saħħa li nirċievu hekk kif nistinkaw biex nieħdu sehem mis-sagrament bil-ħsieb tagħna. Hi u taħdem biex tlesti rekwiżit fil-Progress Personali, għamlet mira biex tiffoka fuq il-kliem fl-innijiet u t-talb tas-sagrament.
Kull ġimgħa, kienet tagħmel awto-evalwazzjoni waqt is-sagrament. Ftakret fi żbalji li kienet għamlet, u impenjat ruħha li tkun aħjar il-ġimgħa ta’ wara. Hi kienet grata li setgħet tagħmel l - affarijiet sew u tindem. Meta ħarset lura lejn l - esperjenza, hi qalet, “Kont qed naġixxi fuq l-parti tal-indiema mill-Espjazzjoni.”
Jum wieħed wara l-awto-evalwazzjoni tagħha, hija bdiet tħossha ħażin u pessimista. Setgħet tara li kienet qed tagħmel l-istess żbalji ripetutament, minn ġimgħa għal ġimgħa. Imma mbagħad kellha impressjoni oħra li kienet qed tittraskura parti kbira mill-qawwa abilitanti tal-Espjazzjoni – il-qawwa ta’ Kristu. Kienet qed tinsa l-ħin kollu li s-Salvatur għenha tkun dak li kellha bżonn tkun u taqdi lil hinn mill-ħila propja tagħha.
B’dan f’moħħha, reġgħet irriflettiet fuq il-ġimgħa ta’ qabel. Hi qalet: 'Fil-melankonija tiegħi ħassejt il-ferħ hekk kif innotajt li hu kien tani ħafna opportunitajiet u abbiltajiet. Innotajt bi gratitudni l-ħila li kelli biex nagħraf il-bżonn tat-tifel tiegħi meta ma kienx ovvju. Innotajt li f’ġurnata meta ħassejt li ma stajtx nagħmel ħaġa oħra f’ġurnata mimlija impenji, stajt noffri kliem ta’ kuraġġ lil ħabiba tiegħi. Kont urejt paċenzja f’ċirkustanza li s-soltu kont naġixxi bil-kuntrarju.'
Hija kkonkludiet: “Hekk kif irringrazzjajt lil Alla għall-qawwa abilitanti tas-Salvatur f’ħajti, ħassejtni tant aktar ottimist lejn il-proċess tal-indiema li kont qed naħdem fih u ħarist bil-quddiem lejn il-ġimgħa ta’ wara b’tama mġedda.”
Il-Presbietru Melvin J. Ballard għallem kif is-sagrament jista’ jkun esperjenza fejjieda u ta’ indiema. Qal hekk:
'Min hemm fostna li ma jidrobx l-ispirtu tiegħu bil-kelma, bil-ħsieb, jew bl-għemil, minn Jum il-Mulej għal ieħor ? Nagħmlu ħwejjeġ li aħna ddispjaċuti għalihom u nixtiequ li jinħafru. … Il-metodu biex niksbu l-maħfra huwa … li nindmu minn dnubietna, li mmorru għand dawk li dnibna jew li morna kontrihom u niksbu l-maħfra tagħhom u mbagħad nirrikorru lejn l-mejda tas-sagrament fejn, jekk sinċerament inkunu ndunajna u poġġejna ruħna f’kundizzjoni xierqa, ninħafru, u l-fejqan spiritwali jasal f’ruħna. …
“Jien xhud,” qal il-Presbiteru Ballard, “li hemm spirtu li jattendi l-amministrazzjoni tas-sagrament li jsaħħan ir-ruħ tagħna minn rasha sa saqajha; tħoss il-ġrieħi tal-Ispirtu jitfejqu, u t-tagħbija tiħfief. Il-faraġ u l-hena jiġu fir-ruħ li jistħoqqilha u li verament tixtieq li tieħu sehem minn dan l-ikel spiritwali.' 11
L-erwieħ midruba tagħna jistgħu jitfejqu u jiġġeddu mhux biss għax il-ħobż u l-ilma jfakkruna fis-sagrifiċċju tas-Salvatur ta’ ġismu u demmu imma għax l-materji jfakkruna wkoll li hu dejjem se jkun “il-ħobż tal-ħajja” tagħna 12 u “l-ilma ħaj.” 13
Wara li amministra s-sagrament lin-Nefiti, Ġesu qal:
“Min jiekol dan il‑ħobż jiekol ġismi għall‑ġid ta’ ruħu; u min jixrob minn dan l‑inbid jixrob demmi għall‑ġid ta’ ruħu; u ruħu qatt ma jeħodha l‑ġuħ jew l‑għatx, iżda hija tkun imxebbgħa.
“Issa, meta dawk kollha li kien hemm fost il‑miġemgħa kielu u xorbu, araw, huma mtlew bl‑Ispirtu.”14
B’dan il-kliem, Kristu jgħallimna li l-Ispirtu jfejjaq u jġedded l-erwieħ tagħna. Il-barka mwiegħda tas-sagrament hi li “dejjem se jkollna l-ispirtu tiegħu biex jibqa’ [magħna].” 15
Meta nieħu sehem mis-sagrament, ġieli niftakar f’pittura li turi lis-Salvatur imqajjem mill-mewt b’ dirgħajh miftuħa ’l barra, bħallikieku hu lest li jilqagħna fit-tgħanniqa kollha mħabba tiegħu. Inħobbha wisq din il-pittura. Meta naħseb fuqha waqt l-amministrazzjoni tas-sagrament, ruħi tintrefa’ kif kważi nisma’ kliem is-Salvatur: “driegħi kollu ħniena jinsab lest biex jilqagħkom, u kull min jiġi, lilu jiena nilqa’ għandi; u henjin dawk li jiġu għandi.” 16
Dawk li għandhom is-Saċerdozju ta’ Aron jirrappreżentaw lis-Salvatur meta jippreparaw, ibierku, u jgħaddu s-sagrament. Hekk kif is-saċerdot jestendi driegħu biex joffrilna l-emblemi sagri, huwa bħallikieku s-Salvatur innifsu qed jestendi driegħu tal-ħniena, u jistieden lil kull wieħed minna biex jieħu sehem mid-doni prezzjużi tal-imħabba li saru disponibbli permezz tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu—doni ta’ ndiema, maħfra, faraġ, u tama.17
Aktar ma nixtarru s-sinifikat tas-sagrament, aktar isir sagru u sinifikattiv għalina. Hekk esprima missier ta’ 96 sena meta ibnu staqsa, “Pà, għalfejn tmur il-knisja? Ma tistax tara, ma tistax tisma’, huwa diffiċli għalik biex tipparteċipa. Għaliex tmur il-knisja?” Il-missier wieġeb, “Huwa s-sagrament. Immur nieħu sehem mis-sagrament.”
Jalla kull wieħed u waħda minna niġu għal-laqgħa tas-sagrament imħejjija biex ikollna “esperjenza tassew spiritwali, komunjoni qaddisa, tiġdid għal ruħ [tagħna].” 18
Naf li Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jgħix. Jien grat għall-opportunità li s-sagrament jipprovdi biex inħossu mill-imħabba tiegħu u biex nieħdu sehem mill-Ispirtu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.
Referenzi–
1. Jeffrey R. Holland, Christ and the New Covenant: The Messianic Message of the Book of Mormon (1997), 283.
2. Duttrina u Patti 20:77.
3. Henry B. Eyring, “That We May Be One,” Ensign, May 1998, 67.
4. Duttrina u Patti 20:77, 79.
5. It-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith, Mattew 26:22 (f’Mattew 26:26, Nota f’qiegħ il-paġna ċ, u fl-Appendiċi Bibbliku).
6. It-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith, Mattew 26:24 (fl-Appendiċi Bibbliku); ara wkoll Mattew 26:26-28; Mark 14:22-24; Luqa 22:15-20.
7. Ara 3 Nefi 18:7, 11; Duttrina u Patti 20:75.
8. Ara “How Do I Keep My Covenant to Always Remember the Savior?” Come, Follow Me kurrikulu tal-Iskola tal-Ħadd; lds.org/youth/learn/ss/ordinances-covenants/remember; True to the Faith: A Gospel Reference (2004), 147-148.
9. Duttrina u Patti 20:77.
10. Ġwanni 14:15.
11. Melvin J. Ballard, f’Melvin R. Ballard, Melvin J. Ballard: Crusader for Righteousness (1966), 132-133.
12. Ġwanni 6:48.
13. Ġwanni 4:10.
14. 3 Nefi 20:8-9.
15. Duttrina u Patti 20:77.
16. 3 Nefi 9:14.
17. Grat lejn Ann Madsen għal-għarfien tagħha dwar dan il-prinċipju.
18. Jeffrey R. Holland, Kristu u l-Patt il-ġdid, 283.