Kunċert speċjali għal żmien il-vaganzi, “Xhieda tal-Milied: Għanjiet ta’ Kristu,” li jiċċelebra t-twelid tas-Salvatur Ġesù Kristu, huwa produzzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fl-Ewropa. Il-kunċert fih ġabra ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied, kantati mill-isbaħ fl-istili diversi ta’ bosta mill-pajjiżi Ewropej. Il-mużika tieħu lil dak li jkun fuq vjaġġ li jenfasizza r-rikkezza u l-għaqda kulturali u tiċċelebra t-twelid tas-Salvatur, Ġesù Kristu.
Il-mużika għall-kunċert hija arranġament ta’ Kurt Bestor flimkien ma’ Jenny Oaks Baker, li rċeviet nomina għall-Grammy, li kkordinat il-mużika. Il-kunċert kien irrekordjat fil-binja storika ta’ Wiesbaden Kurhaus, b’rakkont ta’ Ophélie Meunier, Franċiża.
L-għanjiet li saru ġew magħżula minn diversi pajjiżi u kantati minn artisti Ewropej, li huma membri tal-Knisja. Serhii Borysenko, kantant Pollakk qal, “Għalija u għal marti, il-ġranet ta’ reġistrazzjoni tal-kunċert kienu bħallikieku ħrabna minn din id-dinja impenjattiva u morna lura fiż-żmien tat-Twelid ta’ Ġesù Kristu.”
Naura, kantanta Spanjola, qalet, “Permezz tal-mużika, stajt inħoss l-imħabba kbira li Missierna tas-Smewwiet għandu lejn uliedu kollha, billi jgħaqqad tant kantanti minn postijiet differenti b’lingwi differenti, fl-istess post u bl-istess sentiment. Dan il-kunċert kien opportunità kbira biex naqsmu l-evanġelju mad-dinja kollha u biex nuru li Alla lest ibierek lil uliedu jkunu fejn ikunu.”
Il-Presbiteru De Feo, President tar-Reġjun Ċentrali tal-Ewropa, estenda l-istedina għal kulħadd, “Nistiednu lilkom, lill-familji, u lill-ħbieb tagħkom biex tingħaqdu flimkien fi sħubija u ferħ u ‘Dawwal lid-Dinja’ waqt li ngħollu leħinna b’tifħir u gratitudni għar-rigal daqshekk straordinarju li hu t-twelid ta’ Ġesù Kristu.”
Il-kunċert issa huwa disponibbli fuq il-websajt uffiċjali tal-Knisja u fuq YouTube.