Fil-Każakistan, il-PresbiteruKearon Iħeġġeġ għall-Paċi Permezz tal-Fiduċja u l-Ħbiberija

Fl-istess laqgħa, il-Presbiteru Holland tas-Sebgħin jappella għall-preservazzjoni u r-rispett tal-ispazju sagru

Il-Presbiteru Patrick Kearon tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu qal lil miġemgħa ta’ mexxejja reliġjużi globali fil-Każakistan nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Settembru, 2025, li mudell għall-bini ta’ dinja aktar paċifika jista’ jinstab fir-rinnovazzjoni ewlenija li għaddejja bħalissa tat-Tempju ta’ Salt Lake.

Il-mexxej tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien qal li dan il-proġett kumpless, li jinvolvi mijiet ta’ individwi li jikkontribwixxu ħiliet uniċi għal “xi ħaġa akbar minnhom infushom,” huwa metafora qawwija għall-bini ta’ relazzjonijiet ma’ ħaddieħor.

“Aħna nafu x’differenza tagħmel meta nersqu lejn l-interazzjonijiet personali tagħna bl-istess tip ta’ attenzjoni li qed nagħtu lit-tempju storiku tagħna,” qal il-Presbiteru Kearonlil dawk miġbura fit-Tmien Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet Dinjija u Tradizzjonali fil-Palazz tal-Indipendenza f’Astana, il-Każakistan. “Jiena grat għall-isforz komuni tagħna — lil hinn mill-ħitan tat-tempji, il-knejjes, is-sinagogi, u l-moskej — biex inħarsu lejn l-ispazju bejnietna bl-istess sens ta’ qima u skop.”

Il-Presbiteru Kearon żied jgħid li l-bini ta’ spazju sagru bejn in-nies jista’ jsir b’diversi modi, bħal, ngħidu aħna, billi nieħdu l-ħin biex nisimgħu lil xulxin, billi flok ġudizzju nuru kompassjoni, u billi niftakru li “dak li jgħaqqadna huwa ferm akbar minn dak li jista’ jifridna.”

“L-istess kif il-bini qaddis jinbena ġebla fuq oħra, hekk ukoll il-paċi u l-fehim jinbnew mument wara l-ieħor, laqgħa wara l-oħra,” huwa qal.

L-appostlu stieden lil kulħadd preżenti biex jattendi ċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ għall-pubbliku tat-Tempju ta’ Salt Lake, li tibda f’April 2027 u se ddum sitt xhur.

It-tema tas-sessjoni plenarja kienet “Djalogu tar-Reliġjonijiet: Sinerġija għall-Futur.” L-Apopstlu kien akkumpanjat mill-Presbiteru Matthew S. Holland tas-Sebgħin, li jmexxi l-isforzi ta’ komunikazzjoni globali tal-Knisja. Parteċipanti distinti oħra fil-laqgħa kienu l-Patrijarka Kirill ta’ Moska u l-Gran Imam ta’ Al-Azhar, Sheikh Ahmed el-Tayeb.

Is-Salvagwardja ta’ Siti Reliġjużi

Il-Presbiteru Holland tkellem ukoll fil-kungress, fejn indirizza sessjoni speċjali nhar it-Tlieta li ffokat fuq il-preservazzjoni ta’ spazji sagra L-Awtorità Ġenerali Sebgħin qal li l-protezzjoni tal-art qaddisa qatt ma kienet iktar importanti.

 

“Hemm postijiet u spazji fuq din l-art li għandhom jiġu ttrattati b’reverenza u kura speċjali,” qal il-Presbiteru Holland. “Dan hu minnu mhux sempliċement għax inbnew jew jeżistu, imma minħabba dak li jiġri fihom u madwarhom.”

Bl-importanza tas-siti reliġjużi f’moħħhom, u ma tant mexxejja tal-fidi globali miġburin għall-Kungress, il-Presbiteru Holland qal li huwa ‘xieraq, anke neċessarju,’ li jsir appell għall-protezzjoni tagħhom.

Fost ħwejjeġ oħra, dan ifisser li nsejħu lill-gvernijiet, ġurnalisti, turisti u oħrajn juru rispett lejn il-qdusija u r-regoli ta’ aċċess li reliġjon partikolari tista’ timponi fuq is-sit sagru tagħha u fuq l-attivitajiet ċerimonjali marbuta miegħu.”

Nhar l-Erbgħa, il-presbiteru Kearon irrakkonta esperjenza personali li fiha spjega kif tgħallem japprezza d-diversità reliġjuża u l-ispazji sagri ta’ twemmin ieħor. Hu spjega li meta kien għadu tifel, telaq mill-Ingilterra fejn trabba, u mar jgħix f’pajjiż imbiegħed li kien kompletament differenti fil-kultura, fil-klima u fir-reliġjon tiegħu. F’dik l-esperjenza, sar aktar sensittiv għal dak li kien meqjus bħala sagru minn sħabu fil-pajjiż il-ġdid.

“Il-mod kif il-familji li konna nafu jittrattaw ir-riti u l-prattiċi reliġjużi tagħhom b’qima kwieta sar eżempju sabiħ għalija,” qal il-Presbiteru Kearon “Il-postijiet qaddisa tagħhom kellhom status sagru għalihom, u dan ġie mgħoddi lili permezz tal-eżempju ta' devozzjoni tagħhom. Kien privileġġ teneru li nidħol f’dawk il-postijiet sagri. Jiena wasalt biex nifhem li spazju sagru ma kellux għalfejn ikun l-ispazju sagru tiegħi biex irawwem sens tas-sagru fija.”

Il-Presbiteru spjega li l-unur u r-rispett lejn oħrajn f’dan il-mod huma elementi essenzjali biex tinbena l-paċi u l-konnessjoni umana. Hu enfasizza l-kompassjoni, id-djalogu, is-smigħ u l-fehim bħala l-pedamenti ta’ fiduċja u ħbiberija.

“Nistgħu nsewwu dak li hu mkisser, nsaħħu dak li hu fraġli, u nifformulaw futur fejn il-paċi tista’ tieħu post il-biża’,” qal il-Presbiteru Kearon lill-Kungress. “Nistgħu noqorbu lejn xulxin u nsaħħu r-rabtiet tagħna b’mod daqshekk għaqli u mimli tama kif nibnu u nippreservaw is-santwarji fiżiċi. B’dan il-mod, inkunu qed niksbu l-aħjar verżjoni tad-dinja li dawn il-binjiet jirrappreżentaw — post fejn is-sema u l-art jiltaqgħu. Grazzi talli intom dawn it-tipi ta' bennejja.”

Laqgħat u Avvenimenti Oħra

Minbarra d-diskors tiegħu fil-kungress, il-Presbiteru Kearon kellu wkoll diversi laqgħat privati ma’ mexxejja ta’ reliġjonijiet oħra kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-gvern tal-Każakistan.

Il-kungress fih innifsu huwa ta’ valur, kemm bid-diskorsi kif ukoll bis-sessjonijiet fejn nitqassmu f’gruppi iżgħar, qal il-Presbiteru Kearon. Madankollu, l-aktar aspett siewi ta’ dan l-avveniment huma l-laqgħat individwali li jibnu konnessjoni, fehim u ħbiberija.

“Aħna nikbru fl-għarfien tagħna. Nibdew nifhmu aktar lil xulxin, u nindunaw li għandna ħafna komuni,” qal il-Presbiteru Kearon. “Speċjalment meta niltaqgħu f’laqgħa bħal din, ma niffokawx fuq dak il-ftit li jifridna. Iżda fuq dak li jgħaqqadna u fuq dak li nistgħu nagħmlu flimkien.”

Il-Presbiteru Kearon osserva li l-qalba tal-kungress ta’ din is-sena kienet “ix-xewqa ta’ dawn ir-reliġjonijiet kollha li jsibu l-paċi għal-lum, għal uliedna u għal ulied uliedna.”

Mhux faċli tagħmel dan f’dinja mimlija inkwiet, iżda meta tiġborflimkien il-miljuni — jew saħansitra l-biljuni — li huma rappreżentati mill-mexxejja hawnhekk, huwa importanti li nkunu parti minn dawn it-taħdidiet u li flimkien infittxu dawn l-objettivi importanti ħafna.

Dan il-kungress triennali ta’ mexxejja reliġjużi beda fl-2003 bħala rispons għall-attakki tal-11 ta’ Settembru. Il-Presbiteru Paul B. Pieper tas-Sebgħin, li tkellem fl-2009, kien l-ewwel mexxej tal-Knisja li pparteċipa. Parteċipanti oħra matul is-snin kienu l-PresbiteruJörg Klebingat tas-Sebgħin (2015), il-Presbiteru Alexey V. Samaykin, l-eks President tar-Reġjun tal-Ewropa tal-Lvant (2018), u l-Presbiteru Ulisses Soares tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu (2022).