Hamburg/Berlin

Għeluq il-100 sena mit-Twelid ta’ Helmuth Hübener Imfakkar fil-Bliet Ġermaniżi ta’ Hamburg u Berlin

“Tħallix li r-​rieda ħielsa tiegħek, l-​iktar ħaġa prezzjuża li tippossjedi, titieħed mingħandek.”

“Tħallix li r-​rieda ħielsa tiegħek, l-​iktar ħaġa prezzjuża li tippossjedi, titieħed mingħandek.” Din is-sentenza minn fuljett miktub minn Helmuth Hübener fl-1941 darba kienet ikkwotata minn Joachim Gauck, dak iż-żmien President Federali tal-Ġermanja. L-istess kwotazzjoni nstemgħet fuq is-sensiela ta’ xandir bir-radju Deutschlandfunk “Kalenderblatt” nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Jannar, 2025—eżatt 100 sena mit-twelid ta’ Helmuth Hübener. F’dan l-anniversarju, kongregazzjonijiet tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fil-bliet Ġermaniżi ta’ Hamburg u Berlin fakkru l-kuraġġ ta’ dan il-membru żagħżugħ tar-reżistenza kontra s-soċjaliżmu nazzjonali.

Waqt ix-xandir Deutschlandfunk, il-Professur Johannes Tuchel, Direttur taċ-Ċentru tat-Monument tar-Reżistenza Ġermaniża, iddeskriva l-appell ta’ Helmuth Hübener bħala waħda mill-”kwotazzjonijiet l-aktar notevoli fl-istorja tar-reżistenza kontra s-soċjaliżmu nazzjonali”.

L-opinjonijiet ta’ Helmuth Hübener ġew imfasslin mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, qal ix-xandar. “L-idea tar-rieda ħielsa hija ankrata b’mod sod fid-duttrina tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien,” qal il-Presbiteru Niels O. Jensen, Sebgħin Reġjonali tal-Knisja. “Il-volontà hija rigal li Alla jagħti lil kull individwu. Helmuth Hübener wera li, anke f’ ċirkustanzi tal-ikbar sfida, huwa possibbli li wieħed jieqaf għall-konvinzjonijiet tiegħu u juri s-sinsla. Sal-lum, żmien twil wara l-mewt tiegħu, għadu jservi ta’ mudell u ta’ eżempju għal ħafna żgħażagħ.”

Żewġ skejjel Ġermaniżi huma msemmijin għal Helmuth Hübener, waħda f’Hamburg u l-oħra f’ Berlin.

Fit-8 taʼ Jannar, li Stadtteilschule Helmuth Hübener, skola f’Hamburg, tat bidu għal sena anniversarju ddedikata liż-żagħżugħ li kienet imsemmija għalih fl-awditorju tal-iskola, li kien mimli daqs bajda. “Helmuth Hübener wera li l-​kuraġġ ma jfissirx li ma jkollokx biżaʼ. Ifisser li tagħmel t-tajjeb minkejja l-biża’. Ejjew qatt ma ninsewa din il-lezzjoni—aħna tassew grati lejh u lejn dawk kollha li offrew reżistenza fost periklu kbir,” qalet il-prinċipal Bianca Thies f’din l-okkażjoni. Il-Professur Alan Keele, li kien ivvjaġġa mill-Istati Uniti, tkellem f’isem delegazzjoni mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. “Helmuth Hübener kien bniedem li rrifjuta li jiġi deumanizzat,” qal il-filologu Ġermaniż. Il-Professur Keele għallem fl-Università Brigham Young u għamel riċerka estensiva dwar il-ħajja ta’ Helmuth Hübener.

Filgħodu, membri tal-Knisja kienu ħadu sehem fit-trasferiment tal-plakka Stolperstein għal Helmuth Hübener, monument żgħira daqs ġebla taċ-ċagħaq, għar-residenza volontarja finali tiegħu f’dik li llum hija 18 Sachsenstrasse. Il-plakki Stolperstein, proġett tal-arti mill-iskultur Gunter Demnig minn Cologne, il-Ġermanja, huma meqjusa bħala l-akbar monument deċentralizzat fid-dinja. Diversi postijiet f’Hamburg, il-belt fejn twieled, ifakkru l-isforzi ta’ Helmuth Hübener.

Filgħaxija, il-Knisja stiednet lill-membri tagħha u lill-partijiet interessati għal żjara gwidata tal-wirja permanenti dwar Helmuth Hübener fl-Iskola tal-Amministrazzjoni ta’ Hamburg. Helmuth Hübener attenda din l-iskola sakemm ġie arrestat.

F’Berlin, membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien inġabru ħdejn il-monument ta’ Plötzensee. Dr. Daniel Fingerle, Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Pajjiż fil-Ġermanja, Hartmut Woite, kunsillier il-kbir fil- Wited ta’ Berlin, fil-Ġermanja, u Dr Ralf Grünke, Assistent Direttur tal-Komunikazzjoni Reġjonali fir- Reġjun tal-Ewropa Ċentrali, ħadu sehem f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni tal-fjuri bil-membri lokali preżenti.

Bejn l-1933 u l-1945, aktar minn 2,800 priġunier spiċċaw b’rashom maqtugħa jew mgħallqin f’dak li kien il-ħabs ta’ Berlin-Plötzensee. Helmuth Hübener ingħata l-mewt vjolenti tiegħu hemmhekk fis-27 ta’ Ottubru, 1942. Huwa meqjus bħala l-iżgħar membru tar-reżistenza kontra r-reġim Nażista fil-Ġermanja li ingħata l-mewt taħt l-l-ordni tal-Qorti tal-Poplu f’Berlin. “In-Nażisti żgur li ħassewhom mhux biss insultati minn żagħżugħ ta’ 17-il sena, adolexxenti li kien mill-aktar kuraġġuż u għaqli, iżda wkoll denunzjati u esposti,” spjega x-xandar tas-servizz pubbliku Ġermaniż NDR.

Fl-2018, il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ta ġieħ lil Helmuth Hübener waqt żjara tal-monument ta’ Plötzensee bil-kliem li ġej: “Il-kuraġġ u r-rieda ta’ Helmuth Hübener li jieqaf għal dak li hu tajjeb dejjem iservi bħala tifkira u stedina biex insegwu t-tagħlim ta’ Kristu.”

Artiklu fuq il-websajt tal-Knisja jipprovdi dettalji tal-ħajja ta’ Helmuth Hübener u l-konnessjoni tiegħu mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.