Messaġġ tat-Tmexxija tar-Reġjun

Il-Ferħ li Tistieden

Ħobb lin-nies, aqsam l-esperjenzi tiegħek, u bil-ferħ stedinhom jersqu eqreb lejn is-Salvatur.

image
Il-Presbiteru Samuel Koivisto Reġjun Sebgħin, Reġjun tat-Tramuntana tal-Ewropa

Il-viżjoni tar-Reġjun tat-Trammuntana tal-Ewropa hija li nistiednu lil kulħadd biex iqiegħed lis-Salvatur u l-ordinanzi mqaddsa fiċ-ċentru ta’ ħajjithom, u biex jgħix bil-ferħ skont l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

F’jum ta’ Settembru, jien, marti, il-president tat-Tempju ta’ Helsinki, il-Finlandja, flimkien mal-mara tiegħu, vvjaġġajna lejn Riga, il-Latvja, għal konferenza konġunta tal-Baltiku mmexxija mill-President Christofferson. Mill-ajruport, qbadna taxi għaċ-ċentru tal-belt. Ix-xufier tagħna, li se nsejħulu Marek, għolla l-volum tal-mużika. B’leħen kwiet, staqsejtu dwar il-belt. Huwa baxxa l-volum tar-radju u bdejna nitkellmu. Marek staqsa, “Għaliex ġejtu Riga?”

Għedtlu li kelli nagħti diskors nhar il-Ħadd fil-knisja, fejn wieħed mill-appostli ħajjin ta’ żmienna, il-President Christofferson, kien se jkun qed jitkellem ukoll. Tajt lil Marek l-indirizz tal-knisja, li huwa ttajpja fil-mappa fuq il-mowbajl tiegħu, u stedintu biex jingħaqad magħna nhar il-Ħadd. Huwa b’edukazzjoni rrifjuta, u qal li kellu bżonn jaqta’ l-ħaxix tal-parapett tiegħu. Issuġġerejt li jekk jiġi l-knisja nhar il-Ħadd, nibgħat żewġ missjunarji żgħażagħ biex jgħinnuh jaqta’ il-ħaxix nhar is-Sibt. Huwa xorta rrifjuta u qal li ma kienx se jħalli lil ħadd jgħinnu. Staqsejtu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu u sirt naf li għandu familja, mara u żewġt itfal, u li jemmnu f’Alla u fi Kristu u jippruvaw jgħixu ħajja tajba, iżda ma jattendux il-knisja ta’ spiss. Irrimarkajt li l-knisja tagħna hija għall-familja kollha u stedintu biex iġib lill-membri kollha tal-familja tiegħu nhar il-Ħadd. Huwa kien għadu qed joqgħod lura milli jwiegħed xi ħaġa iżda qal li kien se jaħseb dwarha. Tajtu l-business card tiegħi bin-numru tat-telefon tiegħi, l-imejl, u l-websajt tal-Knisja. Erġajt stedintu, u għedtlu li nirrispetta r-rieda ħielsa tiegħu.

Nhar il-Ħadd, qabel ma bdiet il-laqgħa, bdejt infittex il-ħabib il-ġdid tiegħi, imma ma stajt insibu mkien. Tajt id-diskors tiegħi u ffokajt fuq li nisimgħu d-diskors ta’ xulxin. Waqt l-innu ta’ nofs il-laqgħa, lmaħt lil Marek fl-udjenza. Xejjirt idi biex insellmu, u hu xejjirli lura. Wara l-laqgħa, iltqajna, u rċevejt permess mingħand il-President Christofferson biex nintroduċih. Fil-mument ta’ wara, il-Presbiteru Aidukaitis u l-President Christofferson taw lil Marek kopja tal-Ktieb ta’ Mormon bil-Latvjan, u hu qasam testimonjanza appostolika tal-verità tiegħu. Il-president tal-missjoni introduċa lill-missjunarji lokali, li taw lil Marek l-kuntatt tagħhom u esprimew ix-xewqa tagħhom li jitkellmu miegħu aktar tard. Ġiet estiża stedina, u kull wieħed u waħda minna morna fi triqatna separata.

image

X’nitgħallmu minn dan? Ħobb lin-nies, aqsam l-esperjenzi tiegħek, u bil-ferħ stedinhom jersqu eqreb lejn is-Salvatur. Rari jkollna l-opportunita’ li nistiednu nies biex jiltaqgħu ma’ xi appostlu, imma nistgħu nieħdu vantaġġ minn kull opportunita’ fi triqitna lejn il-knisja -meta xi ħadd jistaqsina fejn sejrin- billi bil-ferħ ngħidulhom fejn sejrin u nistiednuhom biex jingħaqdu magħna.

Is-Salvatur ippreżenta stedina personali lil Pietru u lil Andrew: “Imxu warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” ¹ tliet snin wara, Hu qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.” ² dik l-istess stedina għadha tgħodd.

Fi żmienna l-Mulej għallem: “Iftħu fommkom u jingħatalkom x’għandkom tgħidu, u intom issiru sewwasew bħal Nefi tal‑qedem, li telaq minn Ġerusalemm lejn id‑deżert. Iva, iftħu fommkom u la tibqgħux lura milli tagħmlu dan, u intom tkunu mgħobbija bil‑qatet fuq daharkom, għax araw, jiena ninsab magħkom.” ³

M ’għandniex għalfejn nibżgħu mir-reazzjonijiet tal-oħrajn imma nafdaw li l-Mulej qiegħed magħna: “… iva, inti għandek tiftaħ fommok dejjem għall‑kawża tiegħi, u ma tibżax x’jista’ jagħmillek il‑bniedem, għax jiena ninsab miegħek.” ⁴ “Ħarsu lejja f’kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.” ⁵

Dmirna hu li ngħixu skont l-evanġelju ta’ Kristu bl-aħjar mod li nistgħu-dan hu wieħed mill-aħjar modi biex nistiednu lin-nies jersqu lejn Kristu. L-Ispirtu s-Santu jixhed li Alla u Ġesù Kristu jgħixu; il-barkiet u l-ordinanzi tal-evanġelju huma disponibbli għan-nies kollha. Il-missjoni tas-Salvatur hi li jfejjaq, u li jippermetti li titwettaq il-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni għal kull wieħed u waħda minna - wieħed wieħed.

“Għalhekk, maħbubin ħuti, ejjew nagħmlu bil-ferħ dak kollu li għandna nagħmlu; u mbagħad, jalla nibqgħu mexjin, bl-akbar assigurazzjoni, biex ngħixu is-salvazzjoni ta’ Alla, u naraw id-driegħ tiegħu.” ⁶

Ejjew inkunu kuraġġużi fix-xhieda tagħna hekk kif nistinkaw biex nimxu ’l quddiem fit-triq tal-patt u fid-dixxipulat tagħna. Il-President Russell M. Nelson ħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex inkattru l-fiduċja tagħna quddiem Alla: “Hekk kif aħna nfittxu bil-ħrara li nħallu l-karità u l-virtù jimlew ħajjitna, il-kunfidenza tagħna biex nersqu quddiem Alla tikber. Nistedinkom biex tieħdu ċerti passi intenzjonati biex tikbru fil-kunfidenza tagħkom quddiem il-Mulej. Imbagħad, hekk kif aħna mmorru għand Missierna fis-Smewwiet b’aktar kunfidenza, aħna nkunu mimlijin b’aktar hena, u l-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu tikber. Aħna nibdew nesperjenzaw ċerta qawwa spiritwali ferm aktar milli qatt konna nimmaġinaw.” ⁷


1. Mattew 4:18-19.

2. Mark 16:15.

3. Duttrina u Patti 33:8-9.

4. Duttrina u Patti 30:11.

5. Duttrina u Patti 6:36.

6. Duttrina u Patti 123:17.

7. Russell M. Nelson, “Kunfidenti fil-Preżenza ta’ Alla,” Konferenza Ġenerali ta’ April 2025 (ara wkoll Liahona, Mejju 2025).