Sens ta’ qima u hena mela Avenue des Arts, bil-palazz irjali ta’ Brussell fl-isfond, hekk kif għadd ta’ dinjitarji, rappreżentanti tal-midja u membri u mexxejja lokali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien inġabru flimkien biex jikkommemoraw iċ-ċerimonja tal-bidu tal-proġett tat-Tempju ta’ Brussell, fil-Belġju, l-ewwel Dar tal-Mulej li l-Knisja qed tibni fil-pajjiż.
Il-Presbiteru Jack N. Gerard, l-Ewwel Kunsillier fir-Reġjun tal-Ewropa Ċentrali tal-Knisja jippresedi waqt iċ-ċerimonja. Huwa kien akkumpanjat minn martu Sister Claudette Gerard. Dan l-avveniment speċjali kien immexxi minn Stefaan Van Gijsel. Fit-talba dedikatorja ta’ dan is-sit, il-Presbiteru Gerard semma li “Brussell hija belt fejn bosta minn uliedek minn artijiet differenti jingħaqdu flimkien biex isibu l-paċi, il-prosperità, u l-għarfien f’din id-dinja.”
Il-Presbiteru Gerard kompla, “illum, Missier, aħna qed niddedikaw dan is-sit għal għan ogħla. Nitolbuk biex tbierku ħalli jkun post fejn uliedek, irrispettivament x’inhi l-kultura jew il-lingwa tagħhom, jingħaqdu flimkien miegħek permezz tal-ordinanzi sagri tat-tempju. Nitolbuk biex tbierku ħalli jkun post b’għan ogħla bbażat fuq l-identità divina tagħna bħala wlied spirti tiegħek.”
B’differenza għal siti ta’ tempji tradizzjonali li huma mdawrin b’medda art miftuħa, dan il-bini sagru se jinbena ġo struttura eżistenti magħmula minn diversi sulari, l-ewwel tempju fl-Ewropa ta’ dan it-tip. Il-proġett se jinkludi fih tempju kbir 2,300 metru kwadru, dar tal-laqgħat fejn isiru s-servizzi ta’ qima ta’ nhar ta’ Ħadd, u faċilitajiet ta’ akkoljenza li jilqgħu fihom lil dawk li jiġu jżuru t-tempju u jqimu fih.
Iċ-ċerimonja ġiet mxandra b’ħames lingwi differenti, fejn tat l-opportunità lill-membri madwar il-Belġju u l-pajjiżi ġirien li jipparteċipaw b’mod virtwali. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni hu ppjanat li jibda fil-bidu tal-2026.
Post ta’ Paċi u Riżoluzzjoni
Għall-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, it-tempji huma ferm aktar minn sempliċiment postijiet ta’ qima, huma kkunsidrati bħala djar tal-Mulej, postijiet distinti għad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu fejn jistgħu jersqu aktar qribu. F’dawn l-ispazji sagri, l-individwi u l-familji jitgħallmu dwar il-pjan ta’ Alla għal uliedu, jagħmlu ċerti wegħdiet li lesti jgħixu ħajja Kristjana, u jwettqu ordinanzi sagri li jgħaqqdu l-familji għal dejjem.
It-tempji huma differenti minn djar tal-laqgħat jew kappelli regolari, li huma miftuħa għall-pubbliku kull nhar ta’ Ħadd għas-servizzi ta’ qima, għall-attivitajiet ta’ servizz, u għall-avvenimenti tal-komunità. It-tempji, mill-banda l-oħra, huma riservati għal ċerimonji speċifiċi reliġjużi li jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-fidi f’Ġesù Kristu u t-tkabbir tal-għarfien spiritwali.
Nintroduċu d-Dar tal-Mulej fil-Belġju lill-korpi diplomatiċi
L-importanza li nibnu dar tal-Mulej fi Brussell kienet ukoll it-tema waqt avveniment speċjali li sar aktar kmieni din il-ġimgħa. L-għan tat-tempju ġie diskuss flimkien ma’ diversi rappreżentanti tal-korpi diplomatiċi fi Brussell u ma’ mexxejja ċiviċi u mistednin oħra. Bħala parti mill-avveniment kien hemm wirja li tispjega l-irwol tat-tempji u kif il-familji jistgħu jkunu flimkien għal dejjem.
Mument Storiku għall-Belġju
It-tħabbira tat-Tempju ta’ Brussell, fil-Belġju, saret għall-ewwel darba f’April 2021 mill-President Russell M. Nelson, mexxej dinji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. “It-tempju huma parti mill-aktar importanti tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja kollha tiegħu,” qal il-President Nelson. “L-ordinanzi tat-tempju jimlew ħajjitna bil-qawwa ta’ Alla li ma nistgħux niksbuha bl-ebda mod ieħor. Nirringrazzjaw lil Alla għal dawk il-barkiet.”
Il-preżenza tal-Knisja fil-Belġju tmur lura għas-snin 80 tas-seklu dsatax, meta l-ewwel missjunarji introduċew ir-reliġjon fir-reġjun. Illum, hemm kważi 7,000 membru li flimkien iqimu fi 12-il kongregazzjoni madwar il-pajjiż. It-Tempju ta’ Brussell mhux biss se jservi lill-membri lokali iżda se jservi wkoll fidili oħra minn pajjiżi fil-madwar li jkunu jixtiequ jattendu.
Meta jkun lest, it-Tempju ta’ Brussell, fil-Belġju se jkun wieħed minn aktar minn 360 tempju madwar id-dinja, fejn huwa jingħaqad ma’ network dejjem tikber ta’ bini sagru li jidderieġi miljuni ta’ nies lejn Ġesù Kristu.