
Isaija, iħabbar dwar il-missjoni tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, qal: ‘bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej, u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna; biex infarraġ lill-imnikktin’.
Alma, wara li ħarab minn quddiem il-qassisin tas-Sultan Noè, kompla jxandar l-evanġelju fil-moħbi. Dawk li emmnu marru miegħu lejn l-ilmijiet ta’ Mormon fejn ħafna esprimew ix-xewqa li jitgħammdu. Alma mbagħad jispjega xi jfisser verament li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu; …….li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa……. li nibku ma’ dawk li jibku; iva, u li nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.2
Dawn il-messaġġi simili juru li l-esperjenza mortali tagħna se ġġib magħha sfidi u wġigħ il-qalb għal kull wieħed u waħda minna, u li għandna responsabbiltà sagra li nieħdu ħsieb xulxin f’dawk il-mumenti.
Bosta snin ilu, it-tifel tagħna ta’ erba’ snin kien involut f’aċċident serju ’l bogħod mid-dar. Meta kien tajjeb biżżejjed biex jiġi trasferit għal sptar lokali, sibna ittra fil-bieb tad-dar tagħna mingħand sister għażiża fil-qasam tagħna li kienet fiha lista sħiħa ta’ min kien se jġib l-ikel kif ukoll f’liema ġranet, min kien se jiġbor lit-tfal l-oħra tagħna għall-iskola u lura, u min kien se jaħsilna l-ħwejjeġ, eċċ. Ftit jiem wara, marti kienet ukoll l-isptar twelled lit-tifel iż-żgħir tagħna. Bil-mara f’tarf wieħed tal-isptar, it-tifel fit-tarf l-ieħor, u l-erbat itfal l-oħra x’nikkunsidraw, il-fatt li din is-sister antiċipat il-bżonnijiet tagħna u ħadet l-inizjattiva kienet xi ħaġa tassew apprezzata matul dawk is-sitt ġimgħat diffiċli.
Iżda xi ngħidu għal dawk il-mumenti li niġu mitlubin nħobbu u nieħdu ħsieb dawk li ma nafux, li huma differenti minna, jew li jgħixu b’mod li ma naqblux magħhom? Xi ngħidu dwar dawk li jistgħu jidhru li ma jistħoqqilhomx l-għajnuna tagħna? F’dawk is-sitwazzjonijiet, il-President M. Russell Ballard ifakkarna “Aħna neħtieġu li nħaddnu lil ulied Alla b’kompassjoni u għandna neliminaw kull tip ta’ preġudizzji, inkluż ir-razziżmu, is-sessiżmu u n-nazzjonaliżmu.”3

M’ilux kont qed naqra post fuq il-midja soċjali dwar wieħed politikant lokal f’parti oħra tad-dinja li miet qabel iż-żmien bil-kanċer. Xi wħud mil-kummenti esprimew dispjaċir sinċier, u oħrajn li ma qablux mal-politika tagħha, ikkummentaw b’kliem inqas simpatetiku. Imbagħad xi ħadd kiteb dan il-kliem li ġej, li sibt kien mill-aktar profond. “M’għandniex empatija għan-nies minħabba min huma. Għandna empatija għan-nies minħabba min aħna. Jekk m’għandekx empatija, dan jitkellem dwar il-karattru tiegħek, mhux tagħhom.” Verament parir għaqli.
Fid-dinja, l-bniedem aktar ma jmur, aktar qed jiffoka fuqu nnifisu, huwa malajr biex jiġġudika u bl-istess mod malajr biex jċanfar u jattakka lil dawk b’opinjonijiet differenti. Madankollu, meta ġie mistoqsi dwar liema kmandament huwa l-aktar importanti, is-Salvatur wieġeb ‘Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament. U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Innutaw li għalkemm sejħilha t-tieni kmandament, hu qal ukoll li ’tixbah l-l-ewwel u l-akbar kmandament’.4 Il-Presbiteru William R. Bradford tas-Sebgħin darba qal: “Mill-influwenzi kollha li jwasslu lill-bniedem biex jagħżel il-ħażin, l-egoiżmu huwa bla dubju l-aktar b’saħħtu. Fejn hemm l-egoiżmu, l-Ispirtu tal-Mulej ma jgħammarx.”5
Għal dawk li verament ifittxu li jimxu wara Ġesù Kristu, li jħarsu ‘l barra u jieħdu ħsieb dawk fil-bżonn hija forsi l-aktar karatteristika fundamentali li rridu niżviluppaw biex inkunu dixxipli vera. L-iżvilupp ta’ empatija, jew karità, lejn ulied Alla kollha irrispettivament minn min huma, minn fejn ġejjin jew x’jemmnu, se jippermettilna nieqfu b’kunfidenza quddiem Alla.6
Jalla aħna nfittxu li niżviluppaw dawn il-karatteristiċi, nieħdu ħsieb dawk fil-bżonn u nġibu ruħna dejjem b’grazzja, umiltà u tjubija lejn l-ulied kollha ta’ Alla.
-
Isaija 61:1-2
-
Mosija 18:8-9
-
M. Russell Ballard M. Russell Ballard “Il-Vjaġġ Ikompli! Konferenza Ġenerali Ottubru 2017
-
Mattew 22:37-39
-
Il-Presbiteru William R. Bradford, Diskorsi ta’ BYU, 3 ta’ Ġunju 2003
-
Duttrina & Patti 121:45