Berlin, il-Ġermanja

Il-Knisja ta' Ġesù Kristu tipprovdi l-ikbar grupp ta' voluntiera fil-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjali 2023

Iktar minn 700 adult żagħżugħ u żagħżugħa jivvolontarjaw permezz ta' konferenza ta' servizz sponsorjata fl-Olimpjadi Speċjali f'Berlin

Iktar minn 700 adult żagħżugħ u żagħżugħa u ħbieb tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ltaqgħu f'Berlin il-ġimgħa l-oħra għal konferenza ta' servizz mal-Ewropa kollha, iċċentrat fuq il-volontarjat fl-Olimpjadi Speċjali 2023.  Bħala voluntiera, huma ġew mistiedna wkoll biex jingħaqdu maċ-ċerimonja kbira tal-ftuħ f'Berlin Olympiastadion, b'madwar 50,000 spettatur. 

Il-konferenza ta' servizz bdiet il-Ġimgħa, 16 ta' Ġunju, u ġiet fi tmiemha l-Ħadd, 25 ta' Ġunju.  Il-parteċipanti tal-konferenza ġew minn madwar id-dinja kollha, bil-maġġorparti tagħhom mill-Ewropa, u kienu qed jirrappreżentaw  b'kollox total ta' 48 pajjiż.

Żewġ adulti żgħażagħ, Dan Winkler mill-Ġermanja u Tabita Aversa mill-Brażil, kienu parti mit-tim organizzattiv tal-Knisja fil-konferenza.  'L-elementi kollha ta' din il-konferenza kienu kkonċentrati fuq li ngħinu lill-oħrajn,' qalet Tabita.  'L-iskeda ewlenija tagħna kienet li ngħinu fl-Olimpjadi Speċjali matul il-ġurnata kollha, u bil-lejl kien hemm xi attivitajiet addizzjonali ppjanati minna,' kompliet tgħid.  'Nittama li kulħadd ħass l-imħabba, li Alla għandu għal uliedu kollha.  Din l-imħabba mmotivatni biex ngħin kemm niflaħ matul din il-konferenza u nittama li kulħadd ħass l-istess, matul iż-żmien tagħhom flimkien, huma u jagħmlu xi ħaġa tajba għal ħaddieħor.' Tabita tkkonkludi. 

'Din il-konferenza kienet xi ftit differenti minn dak li soltu nagħmlu, għaliex ma kinitx biss biex nieħdu gost, nitħalltu, u nikbru spiritwalment, imma kienet ukoll dwar kemm nistgħu nagħtu mill-ħin tagħna, minn saħħitna, u mit-talenti tagħna għas-servizz ta' oħrajn,'  qal Dan.  'Fil-każ tal-Olimpjadi Speċjali, dan huwa servizz għal nies tas-soċjetà tagħna, li għandhom ħtieġa speċjali ta' sapport addizzjonali.  Għandhom ċerti żvantaġġi f'xi sferi, xi ħaġa li titlob livell ta' impenn ogħla minn dak li aħna normalment ninvestu f'konvenzjoni bħal din,' żied jgħid.  'It-tama tiegħi hija li l-parteċipanti kollha ħassew dak l-ispirtu speċjali ta' servizz u li jaqsmuh ma' oħrajn fid-dinja. Dan jista' jsir xi ħaġa ħafna ikbar minn sempliċiment memorja sabiħa ta' konferenza, saħansitra moviment li jgħaqqadna, lil hinn mill-fruntieri, ma' kull min jinsab madwarna,' Dan temm jgħid.

Il-Knisja fl-Ewropa pprovdiet akkomodazzjoni, ikel u attivitajiet soċjali għall-parteċipanti kollha tal-konferenza, li inkludew membri u ħbieb tal-knisja minn 18 sa 35 -il sena.  L-organizzazzjoni tal-Olimpjadi Speċjali pprovdiet trasportazzjoni pubblika, servizzi ta' shuttle, tagħmir għall-voluntiera, taħriġ, u essajnments lil iktar minn 21 rwol ta' voluntier.  Il-voluntiera setgħu jipparteċipaw jew għal perjodu ta' ħamest ijiem jew inkella għaż-żmien kollu.

'Li tikkollabora ma' gruppi kbar bħall-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija esperjenza sabiħa, għall-gruppi u għalina,' qal Oliver Büttel, maniġer tal-voluntiera fl-Olimpjadi Speċjali.  'Il-gruppi dejjem jingħaqdu flimkien u lesti jgħinu għaliex huma affidabbli u ta' min jafdahom.  Għandhom parti kbira fl-esperjenza tal-volontarjat', kompla Büttel.  'Nittamaw li permezz tal-għajnuna tal-Knisja, il-kuxjenza għall-inklużjoni fis-soċjetà, mhux biss minħabba l-importanza tas-suġġett innifsu, imma wkoll id-dimensjoni u l-ħtieġa ta' dan l-avveniment multi-sport tant relevanti. 

Biex jirreġistraw għall-konferenza dwar servizz fil-Knisja, il-parteċipanti kellhom l-ewwel ħaġa jirreġistraw mal-Olimpjadi Speċjali.  Kien hemm shifts ta' voluntiera matul il-ġurnata kollha, fit-tmien venues uffiċjali madwar Berlin.  Filgħaxijiet, il-Knisja organizzat avvenimenti soċjali, inkluż danzi, party fuq ix-xtajta, ċinema fil-beraħ, Karaoke, workshops u anki servizzi ta' qima kbar nhar il-Ħadd.

'Hawn tjubija kbira kullimkien, u dan jagħmilli burdata vera tajba', qal Samual Tessa, adult żagħżugħ voluntier minn Franza.  'Kollox ma' kollox, hawn ħafna pożittività madwarna lkoll.  Kulħadd qed jieħu ħsieb xuxlin u dan hu l-punt ta' dan kollu', kompliet Tessa.

Il-kollaborazzjoni mal-organizzazzjoni tal-Olimpjadi Speċjali seħħet permezz ta' ħidma sempliċi ta' outreach minn koppja anzjana missjunarja, li kienet qed isservi f'Berlin.  Fil-Knisja ta' Ġesù Kristu, il-membri fi gruppi ta' etajiet varji jistgħu jivvolontarjaw fuq bażi full-time f'kapaċitajiet differenti, kemm f'pajjiżhom u anki barra minn pajjiżhom.

'Bħala professjoni, jien ħdimt bħala għalliem f'gym għal tfal bi bżonnijiet speċjali,'  qal Robert Swift, Missjunarju Anzjan minn Las Vegas.  'Ridt nagħmel xi ħaġa simili waqt li kont missjoni f'Berlin u skoprejt mill-internet li l-Olimpjadi Speċjali kellhom bżonn il-voluntiera. Għidnielhom li kellna ħafna adulti żgħażagħ li xejn ma kienu se jiddejqu jservu l-komunità u jivvolontarjaw waqt il-Logħob,' żied jgħid Swift. 

Minnufih, il-kelma xterdet madwar l-Adulti Żgħażagħ fl-Ewropa u mad-dinja kollha, imxenqin kif inhuma li jiltaqgħu flimkien minn pajjiżi u kulturi differenti u li jgħinu lil ħaddieħor permezz ta din l-inizjattiva sinifikattiva.  Il-Presidenza tar-Reġjun tal-Ewropa ddeċidiet li tisponsorja din l-konferenza unika dwar servizz madwar l-Olimpjadi Speċjali, biex tipprovdi adulti żgħażagħ opportunità biex juru l-imħabba tagħhom għal Alla billi jgħinu lill-oħrajn u jrawmu sens ta' unità u appartenenza. 

'Din hi l-ewwel darba li qed nara grupp daqstant kbir ta' adulti żgħażagħ li qed jagħmlu xi ħaġa tajba, tant divertenti u tant qawwija, mhux biss bħala knisja iżda miftuħa għad-dinja, flimkien mal-komunità u għall-komunità,' qal il-Presbiteru De Feo, il-president tar-Reġjun Ċentralu tal-Ewropa tal-Knisja. 'Din hi xi ħaġa li messna nagħmlu ħafna iktar bħalha fil-futur,' kompla jgħid.  'Hekk kif inservu fil-komunità, aħna qed ngħinu, eżatt kif kien jagħmel Ġesù, u għalhekk, aħna nħossu li nistgħu nsiru iktar bħalu, u n-natura tagħna tinbidel.'

Meta mistoqsi dwar it-tamiet tiegħu għal reġjuni oħra fl-Ewropa f'dak li huwa għajnuna għall-oħrajn, il-Presbiteru De Feo qal: 'Naħseb li messna nxerrdu s-sejħa u s-sentiment ta' li ngħinu lill-oħrajn, biex inkebbsi iktar minn dawn is-sentimenti pożittivi f'ħaddieħor.  Din issir forza spiritwali, b'żieda ta' ħafna iżjed nies li jridu jgħinu lil ħaddieħor.  Meta ningħaqdu flimkien, u nkomplu nagħmlu t-tajjeb, nistgħu nagħmlu affarjiet kbar,' ikkonkluda l-Presbiteru De Feo.

Il-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjal huma l-ikbar avveniment inklussiv tal-isports fid-dinja, b'madwar 7,000 atleta b'diżabbilità jikkompetu f'26 dixxiplina sportiva. Iktar minn 12,000 voluntier minn madwar id-dinja assistew fil-logħob din is-sena.