L-Ewropa 

Il-Presbiteru Stevenson jimministra f’erba’ pajjiżi madwar l-Ewropa Ċentrali 

Il-Presbiteru Gary E. Stevenson tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, akkumpanjat minn martu, Sister Lesa Stevenson, dan l-aħħar temm mawra ta’ għaxar t’ijiem madwar l-Ewropa, fejn żar membri u missjunarji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fl-Olanda, il-Greċja, il-Bulgarija, u l-Italja mis-17-27 t’Ottubru, 2024. Huwa żar lilll-membri tal-Knisja madwar ir-reġjun, u enfasizza t-tema tal-qawwa tal-evanġelju li jġib il-paċi fid-dinja tal-lum. 

Olanda 

L-ewwel waqfa tiegħu kienet fl-Olanda, fejn mal-Presbiteru Stevenson ingħaqdu l-Presbiteru Jack N. Gerard tal-Presidenza tar-Reġjun Ċentrali tal-Ewropa u l-Presbiteru Joep Boom, Sebgħin Reġjunali mill-Olanda. Fid-19 t’Ottubru, il-Presbiteru Stevenson iltaqa’ mal-missjunarji fil-Missjoni Belġju/Olanda fil-belt ta’ Breda, fejn faħħar id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom biex jgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hu inkuraġġihom biex isibu l-kuraġġ u l-ferħ fit-tixrid tal-evanġelju, anki quddiem l-isfidi. “Jista’ jkollok il-fiduċja tal-Mulej u tħoss il-ferħ, avolja ċ-ċirkustanzi jistgħu jkunu diffiċli,” qal il-Presbiteru Stevenson, fejn fakkar lill-missjunarji biex jirriflettu fuq l-ittri oriġinali tas-sejħa tagħhom fejn jerġgħu issibu il-qawwa. F’laqgħa mal-mexxejja lokali mill-Belġju u l-Olanda li jitkellmu bl-Olandiż, hu u l-Presbiteru Gerard enfasizzaw l-importanza tal-patti tat-tempju u l-proċess kontinwu tal-konverżjoni personali. Il-Patti huma wegħdiet sagri bejn Alla u persuna jew grupp ta’ nies. 

Fl-20 t’Ottubru, il-Presbiteru Stevenson indirizza lill-membri f’konferenza speċjali tal-wited  f’The Hague dwar il-ferħ li jinstab meta wieħed jgħix bħala poplu tal-patt. Wara l-konferenza, stieden liż-żgħażagħ biex jiltaqa’ magħhom u ma’ Sister Stevenson. Meta kkonkluda ż-żmien tiegħu fl-Olanda, huwa żar it-tempju Olandiż f’The Hague fil-qrib, fejn iltaqa’ wkoll mal-membri u l-mexxejja, filwaqt li ħeġġiġhom biex jimxu ’l quddiem fil-fidi u l-impenn tagħhom lejn l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. 

Il-Greċja &-Bulgarija 

Il-Presbiteru Stevenson imbagħad ivvjaġġa lejn il-Greċja, akkumpanjat mill-Presbiteru James W. McConkie III, it-tieni konsulent fil-Presidenza tar-Reġjun Ċentrali tal-Ewropa, u mexxejja oħra, fejn iltaqgħu ma’ membri tal-Knisja lokali u missjunarji. F’Ateni, fit-22 t’ Ottubru, bdiet laqgħa speċjali għall- missjunarji fuq l-Għolja Mars, fejn l-appostlu offra kliem t’inkuraġġiment u tifħir: “Fi żmien meta ħafna żgħażagħ qed jinjoraw ir-reliġjon organizzata, huwa ta’ gost li tkun ma’ adulti żgħażagħ leali għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li jagħżlu li jissagrifikaw il-ħin biex jaqdu lill-Mulej u jistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju tiegħu,” hu rrimarka. 

Instagram: https://www.instagram.com/garyestevenson/reel/DBoVM2wRERS/ 

F’laqgħa mal-membri f’Ateni, il-Presbiteru Stevenson enfasizza l-importanza tar-reżiljenza u t-tama fl-evanġelju, anke fost l-isfidi tal-ħajja. 

Waqt li komplew il-vjaġġ tagħhom, il-Presbiteru u Sister Stevenson żaru l- Bulgarija, fejn iltaqgħu mal-missjunarji u kellhom devozzjoni mal-membri f’Sofija fit-23 t’Ottubru. Bi kliemu enfasizza l-importanza tal-għaqda u l-qawwa sostenittiva tal-evanġelju għall-individwi u l-familji. 

L-Italja 

Fl-Italja, il-Presbiteru Stevenson kien akkumpanjat mill-Presbiteru Ruben V. Alliaud, President tal-Presidenza tar-Reġjun Ċentrali tal-Ewropa u l-Presbiteru Emanuel Petrignani, Sebgħin Reġjunali mill-Italja. Il-Presbiteru Stevenson għamel żjara memorabbli f’Bari, fejn iltaqa’ ma’ Sister Rosaria Valenti, li dan l-aħħar iċċelebrat għeluq il-101 sena tagħha. Sister Valenti, membru maħbuba u li ilha sservi fil-Knisja, qasmet ix-xhieda tagħha ta’ Ġesù Kristu, u ddeskrivietu bħala “kollox għalija.” Sister Valenti saret taf bl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu permezz tar-raġel ta’ bintha, Leonardo Lettini, f’April 1984 u tgħammdet ftit xhur wara. Ftit wara l-magħmudija tagħha, laqtitha ġrajja ta’ niket f’ħajjitha: bintha Annamaria u l-familja kollha tagħha, li introduċewha għall-evanġelju, mietu f’inċident bil-karozza fl-1985. Li titlef lill-għeżież membri tal-familja tagħha kienet esperjenza ta’ dieqa kbira f’ħajjitha. Fortunatament, il-familja kienet ġiet issiġillata fit-tempju ftit xhur qabel. Sister Valenti wkoll ġiet issiġillata biss ftit xhur qabel, u dan taha t-tama għal familja eterna u li ser tingħaqad mill-ġdid mal-maħbubin tagħha wara din il-ħajja għal darb’oħra u għal dejjem. Hi u tirrifletti dwar Dar il-Mulej, dejjem stqarret li “fit-tempju tgħallimt aktar dwar Alla l-Missier u Ġesù Kristu u saru kollox għalija.” Il-Presbiteru Stevenson onora id-dedikazzjoni tagħha tul ħajjitha għall-evanġelju, billi offrielha il-fjuri u il-barka Saċerdotali. Din il-laqgħa speċjali messet ħafna lil Sister Valenti u l-familja tagħha u mmarkat bħala mument ferrieħi għall-kongregazzjoni f’Bari tal-Knisja. 

F’Ruma, il-Presbiteru Stevenson indirizza lill-missjunarji u mexxejja tal-Knisja, fejn iffoka fuq il-ferħ tas-servizz u l-importanza tat-tisħiħ tal-Knisja madwar l-Italja. Fis-27 t’Ottubru, huwa kkonkluda l-mawra ta’ ministeru tiegħu b’konferenza  fil-qasam ta’ Palermo, fejn laqqa’ lill-membri flimkien biex iħossu l-imħabba tal-Mulej u l-għaqda tal-evanġelju. 

Matul il-vjaġġ kollu, il-messaġġi tal-Presbiteru Stevenson enfasizzaw il-barkiet tal- konverżjoni, il-kuraġġ, u ż-żamma tal-patt ma’ Ġesù Kristu. Iż-żjara tiegħu ispirat eluf ta’ membri u ħbieb tal-Knisja, u ħalliet wirt ta’ fidi u għaqda msaħħa madwar ir-reġjun.