B’effett mill-1 ta’ Awwissu 2024, il-Presbiteru Rubén V. Alliaud jibda s-servizz tiegħu bħala l-President il-ġdid taż-Żona Ċentrali tal-Ewropa tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Il-Presbiteru Jack N. Gerard iservi bħala l-ewwel konsulent u l-Presbiteru James W. McConkie III bħala t-tieni konsulent.
“Għal marti Fabiana u għalija, li naqdu hawn fl-Ewropa huwa privileġġ kbir u barka unika,” jgħid il-Presbiteru Alliaud. “Jien ġej minn art fejn l-Evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu nfirex b’mod tal-għaġeb. Il-Knisja li qed tiffjorixxi li naraw issa fl-Amerika t’Isfel għandha l-oriġini tagħha f’immigranti Ġermaniżi li marru joqogħdu l-Arġentina fl-1923 u ftit wara l-Brażil,” ikompli. “Aħna nafu lill-Knisja Ewropea ħafna minn dak li għandna fl-Amerika t’Isfel illum. Issa, qed ngħixu fl-Ewropa bħala parti mit-twettiq tal-viżjoni u l-profeziji li jinsabu f’Ġakobb 5. Aħna tassew ngħixu fi żmien ta’ żbir u tilqim; żmien ta’ tkabbir ferrieħi,” temm jgħid.
Il-Presbiteru Alliaud ilu jservi fl-Ewropa mill-2021, l-ewwel fil-Presidenza taż-Żona tal-Ewropa u fil-Presidenza taż-Żona Ċentrali tal-Ewropa sa millħolqien ta’ din iż-żona ġdida fl-2022. Twieled fi Buenos Aires fl-Arġentina fit-8 ta’ Jannar 1966 u żżewweġ lil Fabiana Bennett Lamas fl-1992. Huma ġenituri ta’ sitt itfal.
Il-Presbiteru Gerard ilu jservi fil-Presidenza taż-Żona Ċentrali tal-Ewropa mill-2023.
“Li nservu fl-Ewropa Ċentrali huwa privileġġ sagru,” jgħid. “Jien u marti nitraċċaw l-antenati tagħna fiż-żona. L-antenati tagħna kienu qed ifittxu l-illuminazzjoni spiritwali u emigraw lejn l-Istati Uniti fejn mexxew l-isforzi tal-libertà reliġjuża ħafna qabel ma beda r-restawr. Inħossu li rġajna rritornajna biex inkomplu l-ġabra li qiegħdu l-pedament tagħhaħafna snin ilu. Huwa taʼ ferħ umli li tkun parti mix- xogħol tal- aħħar żmien,” temm jgħid.
Il-Presbiteru Gerard twieled f’Idaho Falls fl-Istat Amerikan ta’ Idaho, fil-15 ta’ Diċembru 1957. Iżżewweġ lil Claudette Neff fl-1984 u huma l-ġenituri ta’ tmint itfal.
Il-Presbiteru James W. McConkie III twieled f’Salt Lake City fl-Istat Amerikan ta’ Utah fis-27 ta’ Awwissu 1971 u żżewweġ lil Laurel Springer fl-1995. Huma l-ġenituri ta’ erbat itfal.
“Jien u Laurel aħna ferħanin li nerġgħu nkunu ‘magħduda fost il-poplu tal-knisja taʼ Kristu’ (Moroni 6:4) fl-Ewropa Ċentrali,” jgħid il-Presbiteru McConkie. “Hemm fidi profonda u dejjiema fost il-Qaddisin hawn. Bħala familja, konna mitmugħa spiritwalment u mbierka b’mod għani biha meta qdejna mal-Qaddisin Ċeki u Slovakki. Issa nistennew bil-ħerqa li niltaqgħu maʼ ħutna rġiel, ħutna nisa, u ħbieb tagħna kollha madwar l-Ewropa, nitolbu għalihom u nitgħallmu minnhom,” temm jgħid.
Il-Presbiteru McConkie jibda s-servizz tiegħu fil-Presidenza taż-Żona Ċentrali tal-Ewropa fl-1 ta’ Awwissu. Qabel ma ssejħu bħala Awtorità Ġenerali Sebgħin, hu u martu servew fl-Ewropa bħala Mexxejja tal-Missjoni tal-Missjoni Ċeka/Slovakkja mill-2013 sal-2016. Huwa kien serva bħala missjunarju żagħżugħ full-time f’dik l-istess missjoni, imbagħad imsejjaħ fil-Missjoni ta’ Praga, iċ-Ċekoslovakkja.
Il-Presidenzi taż-Żona huma assenjati mill-Ewwel Presidenza u jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Ġeneralment jgħixu fiż-żona fejn jaqdu u spiss jivvjaġġaw f’dik iż-żona biex jgħallmu u jappoġġjaw lill-membri tal-Knisja, missjunarji, mexxejja, u presidenti tat-tempju u matroni. Huma f’pożizzjoni unika biex jgħinu fil-bini tal-Knisja u jipprovdu pariri siewja u tmexxija lill-membri tal-Knisja madwar id-dinja.