L-Ewwel Presidenza tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ħabbret il-post tat-Tempju ta' Barċellona fi Spanja.
Dan it-tempju se jinbena fejn jiltaqgħu Avinguda de la Via Augusta u Avinguda de la Cota, Sant Cugat del Vallès, Barċellona, Spanja. Skont il-pjanti, it-tempju ta' żewġ sulari se jkun fih madwar 27,500 pied kwadru, Fuq l-art ta' 5.4 tomniet, se jinbena wkoll bini anċillari ta' madwar 13,600 pied kwadru, b'akkomodazzjoni għal mistedinin, ċentru ta' ospitalità u ċentru ta' distribuzzjoni. Il-President tal-Knisja, Russell M. Nelson, ħabbar għall-ewwel darba t-Tempju ta' Barċellona fi Spanja f'April tal-2022. Dan se jkun it-tieni tempju fil-pajjiż. It-Tempju ta' Madrid fi Spanja kien iddedikat fl-1999. Fi Spanja hemm iktar minn 61,000 Qaddis u Qaddisa tal-Aħħar Żmien f'iktar minn 130 kongregazzjoni. Melitón González Trejo, uffiċjal fl-armata Spanjola li żar Utah fl-1874, kellu rwol importanti ħafna fit-traduzzjoni tal-Ktieb ta' Mormon għall-Ispanjol wara li huwa ssieħeb mal-Knisja. L-ewwel Qaddisin tal-Aħħar Żmien fi Spanja tgħammdu matul is-snin 50 u 60 tas-seklu li għadda.
Il-pjanti ddettaljati ta' dan it-tempju għadhom qed jiġu żviluppati. Iktar tagħrif se jiġi ppubblikat 'il quddiem, inkluż dehriet tal-parti esterjuri. Id-data tat-tqegħid tal-ewwel ġebla se titħabbar fil-futur.
Il-mexxejja tal-proġett dalwaqt jibdew jaħdmu ma' uffiċjali tal-belt fuq il-pjanijiet preliminari għal dan it-tempju, u se jibdew jissottomettu d-dokumenti pubbliċi fix-xhur li ġejjin.
Il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien iqisu t-tempji bħala d-dar tal-Mulej u postijiet ta' qima l-iktar qaddisa fid-dinja. It-Tempji huma differenti mid-djar tal-laqgħat tal-Knisja (kappelli). Kulħadd huwa mistieden jattendi s-servizz ta' qima tal-Ħadd u attivitajiet oħra ta' matul il-ġimgħa fid-djar tal-laqgħat lokali. L-għan ewlieni tat-tempji huwa biex membri fidili tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jipparteċipaw f'ċerimonji sagri, bħal żwiġijiet, li jgħaqqdu lil familji għal dejjem, u magħmudija bi prokura f'isem antenati li ħallew din il-ħajja u li ma kellhomx opportunità li jitgħammdu meta kienu ħajjin.