Birmingham, l-Ingilterra

Imħabbar l-post fejn se jinbena t-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra

Id-dar tal-Mulej imħabbra fl-2022 se tagħti lill-Qaddisin tal-post żjieda ta’ “spinta spiritwali” tagħhom

L-Ewwel Presidenza tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ħabbret il-post fejn se jinbena t-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra. It-tempju se jinbena fuq biċċa art ta’ 2.7 tmieni li tinsab fi 185-187 Penns Lane, Sutton, Coldfield, Birmingham, l-Ingilterra.

Is-sit tat-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra.
Is-sit tat-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra.

Il-pjanti juru tempju ta’ sular wieħed ta’ madwar 10,800 pied kwadru, inkluż id-dar tal-padrun u l-faċilitajiet għall-mistednin. Il-President tal-Knisja, Russell M. Nelson, ħabbar it-tempju matul il-konferenza tal-Knisja f’April 2022. “L-ispinta spiritwali pożittiva tiżdied hekk kif nqimu fit-tempju u nikbru fl-għarfien tagħna tal-kobor u l-profondità bla qies tal-barkiet li nirċievu hemmhekk,” qal il-profeta. “Nitlobkom bil-ħrara biex tirribattu l-bixriet tad-dinja billi tikkonċentraw fuq il-barkiet eterni tat-tempju. Il-ħin tagħkom hemmhekk iġib barkiet għall-eternità,” qal, hekk kif 17-il tempju ġdid ġew imħabbra, inkluż it-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra.

Ix-xandir tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu beda fl-Ingilterra fl-1827 meta xi missjunarji, inkluż żewġ membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, bdew jgħallmu fi Preston. Matul is-seklu dsatax, iktar minn 52,000 ikkonvertit emigraw mill-Gran Brittanja biex jingħaqdu mal-ġemgħa ewlenija tal-Knisja tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fl-Istat Uniti. Sal-1870, kważi nofs il-popolazzjoni ta’ Utah kienet tikkonsisti f’immigranti Brittaniċi.

It-tliet tempji fir-Renju Unit jinkludu t-Tempju storiku ta’ Londra fl-Ingilterra (iddedikat fl-1958), it-Tempju ta’ Preston fl-Ingilterra (iddedikat fl-1998), u t-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra (imħabbar fl-2022). Dan it-Tempju ta’ Birmingham fl-Ingilterra se jkun it-tielet tempju li qed jopera fir-Renju Unit, fejn joqogħdu kważi 187,000 membru f’iktar minn 315-il kongregazzjoni.

Il-pjanti bid-disinn dettaljat għat-tempju għadhom qed jiġu żviluppati. Iktar informazzjoni, bħal per eżempju rappreżentazzjonijiet esterjuri u d-dati tal-tqattigħ tal-art, se jiġu ppubblikati iktar ‘il quddiem. Il-mexxejja tal-proġett qed ikomplu jaħdmu mal-uffiċjali lokali fuq pjanti preliminari għat-tempju fil-preparazzjoni tal-attivitajiet tal-kostruzzjoni.

Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien iqisu t-tempju bħala d-“dar tal-Mulej” u l-iktar postijiet ta’ qima li huma sagri fid-dinja. It-tempji huma differenti mid-djar tal-laqgħat u mill-kappelli tal-knisja. Kulħadd huwa mistieden li jattendi s-servizzi ta’ qima ta’ nhar ta’ Ħadd u attivitajiet oħra ta’ matul il-ġimgħa fid-djar tal-laqgħat fil-lokalità. L-għan ewlieni tat-tempji, madanakollu, huwa biex il-membri fidili tal-Knisja jipparteċipaw f’ċerimonji sagri bħal ngħidu aħna żwiġijiet li jgħaqqdu lill-familji għal dejjem.