Is-Suċċessjoni fil-Presidenza tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien

L-ogħla korp governattiv tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien huwa l-Ewwel Presidenza, li tikkonsisti fil-President u ż-żewġ konsulenti tiegħu, jew kunsilliera. Dan il-korp magħmul minn tliet irġiel jissorvelja l-ħidma tal-Knisja kollha f’kull aspetti ta’ polisi, organizzazzjoni, u amministrazzjoni.

It-tieni l-ogħla korp li jippresedi fil-governanza tal-Knisja huwa l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. L-Appostli jservu taħt id-direzzjoni tal-Ewwel Presidenza u għandhom responsabbiltajiet amministrattivi qawwija biex iħarsu l-progress u żvilupp ordnat tal-Knisja madwar id-dinja. L-Ewwel Presidenza u t-Tnax il-Appostlu jitqisu mill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħala profeti li jirċievu rivelazzjoni u ispirazzjoni divina biex jiggwidaw il-Knisja.

Il-ħatra ta’ president ġdid tal-Knisja sseħħ b’mod ordnat li — ħaġa tal-għaġeb fid-dinja tal-lum — tevita kull traċċa ta’ pressjoni u persważjoni interna għal xi pożizzjoni jew grad. Peress li l-membri jaraw dan il-proċess bħala wieħed rivelat divinament, huwa nieqes minn kampanja ta’ elezzjoni kemm minn wara l-kwinti u kemm fil-pubbliku.

Fuq kollox, mhijiex biss l-istruttura tal-organizzazzjoni tal-Knisja li tiggverna dan il-proċess. Teżisti wkoll tradizzjoni antika fil-Knisja li l-aspirazzjoni għat-tmexxija f’kwalunkwe livell mhix ħaġa xierqa. Minflok, l-enfasi hija fuq il-mertu personali u r-rieda umli li wieħed iservi meta jiġi mistieden jagħmel dan.

Meta l-president tal-Knisja jħalli din il-ħajja, l-avvenimenti jseħħu kif ġej:

1. L-Ewwel Presidenza tiġi xolta b’mod awtomatiku.

2. Iż-żewġ konsulenti fl-Ewwel Presidenza jirritornaw fil-postijiet ta’ anzjanità fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. L-anzjanità hija ddeterminata mid-data li fiha l-persuna nħatret fil-Kworum tat-Tnax, mhux mill-età.

3. Il-Kworum tat-Tnax -il Appostlu, li issa jgħodd 14 -il ruħ u huwa mmexxi mill- appostlu anzjan, jassumi t-tmexxija tal-Knisja.

4. L-appostlu anzjan jippresedi fil-laqgħa tal-Kworum tat-Tnax biex matulha jiġu kkonsidrati żewġ proposti alternattivi:

i. Għandha l-Ewwel Presidenza tiġi riorganizzata f’dan iż-żmien?

ii. Għandha l-Knisja tibqa’ tiffunzjona bil-Kworum tat-Tnax jippresedi?

5. Wara diskussjoni, issir mozzjoni formali li tiġi aċċettata mill-Kworum tat-Tnax -il Appostlu.

6. Jekk tgħaddi mozzjoni li l-Ewwel Presidenza għandha tiġi riorganizzata, il-Kworum tat-Tnax il-Appostlu unanimament jagħżel il-president il-ġdid tal-Knisja. Il-president il-ġdid jagħżel żewġ konsulenti u t-tlieta li huma jsiru l-Ewwel Presidenza ġdida. Matul l-istorja kollha tal-Knisja, dak l-appostlu li kien ilu l-iktar iservi dejjem sar il-president tal-Knisja kull meta l-Ewwel Presidenza ġiet riorganizzata.

7. Wara r-riorganizzazzjoni tal-Ewwel Presidenza, l-appostlu li jiġi t-tieni wieħed bħala l-aktar wieħed li ilu jservi jiġi sostnut bħala l-president tal-Kworum tat-Tnax. Meta l-appostlu li huwa t-tieni wieħed li ilu l-iktar iservi ssejjaħ ukoll fl-Ewwel Presidenza bħala konsulent, l-appostlu li huwa t-tielet l-iktar wieħed li ilu jservi jsir l-aġent president tat-Tnax.

8. Il-president tal-Kworum tat-Tnax, filmkien mal-bqija tal-appostli, jiddistingwi* l-president il-ġdid tal-Knisja permezz tat-tqegħid formali tal-idejn.

Minn mindu l-Knisja ġiet formalment organizzata fis-6 ta’ April, 1830, kien hemm 17-il president, fosthom il-President Russell M. Nelson.

*Wara li jaċċettaw sejħa biex iservu f’xi pożizzjoni, il-membri tal-Knisja “jiġu distinti” biex jagħmlu dan. Dan iseħħ skont il-prattika bibblika tat-tqegħid tal-idejn. Mexxej tas-saċerdozju jqiegħed idejh fuq ras il-persuna li qed tiġi distinta u joffri talba, u hekk jagħti lill-individwu l-awtorità u l-kapaċità biex iwettaq id-dmirijiet tal-uffiċju u biex jipprovdi barka personali.