Kif il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Ħadet Ħsieb ta’ Dawk fil-Bżonn fl-2023

little boy
Ir-Rapport tal-2023 “Caring for Those in Need” (“Nieħdu Ħsieb ta’ Dawk fil-Bżonn”) issa huwa disponibbli f’diversi lingwi.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tfittex li testendi l-kura għal numru dejjem jiżdied ta’ wlied Alla fil-bżonn. Fl-2023, din il-ħidma ta’ benesseri, awtodipendenza, għajnuna umanitarja, u servizz volontarju ammontat għal nefqa ta’ aktar minn US$ 1.3 biljun u 6.2 miljun siegħa ta’ volontarjat.

Kif iddettaljat fis-sommarju tal-2023, “Caring for Those in Need” (“Nieħdu Ħsieb ta’ Dawk fil-Bżonn”), l-4,119-il proġett umanitarju tal-Knisja bierku nies f’191 pajjiż u territorju.

“Bħala segwaċi taʼ Ġesù Kristu, aħna nqisu li dan huwa kemm dmir kif ukoll privileġġ taʼ ferħ,” qalet l-Ewwel Presidenza fis-sommarju. “Aħna nirrikonoxxu bi gratitudni l-kontribuzzjonijiet altruisti ta’ ħin u ta’ mezzi minn membri tal-Knisja, ħbieb, u organizzazzjonijiet ta’ fiduċja oħra li jippermettu li din il-ħidma tavvanza u tespandi.”

Il-proġetti ta’ għajnuna madwar id-dinja kienu jinkludu 921 iddedikati għall-għajnuna lin-nisa u t-tfal, 601 iddedikati għall-kura tas-saħħa, 530 iffukati fuq is-sigurtà tal-ikel, 415 involuti f’għajnuna ta’ emerġenza, 374 jaqdu lill-persuni mingħajr dar, u 206 jipprovdu ilma nadif. JustServe kellu kważi 120,000 utent ġdid ta’ JustServe rreġistrati u nħolqu aktar minn 17,500 proġett ġdid ta’ JustServe. U madwar 11,360 missjunarju tal-benesseri u tal-awtodipendenza, flimkien ma’ ħafna eluf ta’ membri tal-Knisja, taw sehemhom fis-servizz volontarju.

“Aħna grati għall-opportunità li naħdmu ma’ organizzazzjonijiet professjonali li jallinjaw mal-viżjoni tagħna li nieħdu ħsieb ta’ dawk fil-bżonn,” qal l-Isqof li Jippresedi tal-Knisja Gérald Caussé. “Il-kollaborazzjonijiet tagħna jgħinuna nespandu l-impatt tal-isforzi tagħna madwar id-dinja hekk kif nimxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu biex inħobbu u nservu lill-proxxmu tagħna.”

Is-sommarju ta’ 43 paġna huwa disponibbli fi 17-il lingwa fuq Caring.ChurchofJesusChrist.org. Ħafna mill-proġetti elenkati fis-sommarju huma possibbli permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet bħal WaterAid, UNICEF, il-Programm Dinji tal-Ikel, Water for People, ShelterBox u aktar.

Fl-2023, l-isforzi umanitarji globali tal-Knisja komplew jespandu. F’Awwissu, il-Knisja wegħdet $44 miljun biex tilħaq lit-tfal fi 30 pajjiż, filwaqt li tappoġġa l-inizjattivi globali komprensivi ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra l-ġuħ ta’ diversi organizzazzjonijiet. Iktar tard, f’Novembru, il-Knisja bdiet programm, immexxi mis-Soċjetà tas-Solliev, bil-mira li jtejjeb is-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal taħt il-5 snin u ta’ ommijiethom. Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-President Camille N. Johnson żaret postijiet fil-Filippini fejn it-tfal ġew eżaminati għall-malnutrizzjoni u l-ġenituri rċevew taħriġ u appoġġ dwar l-importanza tad-diversifikazzjoni tad-dieta.

“Irridu nagħtu s-setgħa lill-familji,” qalet il-President Ġenerali tas-Soċjetà tas-Solliev Camille N. Johnson. “F’ħafna każijiet, ġenituri li jħobbu m’għandhomx l-għarfien biex jipprovdu nutrizzjoni adegwata għal uliedhom. B’fehim u riżorsi akbar, huma jkunu mgħammra aħjar biex jagħmlu bidliet li jista’ jkollhom impatt dejjiemi.”

Aspett ieħor notevoli tas-Solliev tal-Knisja lil dawk fil-bżonn huma l-Light the World Giving Machines (Magni tad-Donazzjonijiet Dawwal id-Dinja). Dawn il-magni tal-bejgħ b’għan speċifiku jagħtu s-setgħa lill-individwi biex jixtru oġġetti - bħal ikliet jew tilqim - għal dawk li jiffaċċaw it-tbatija madwar id-dinja. Minn Novembru sa Diċembru, madwar 600,000 persuna żaru l-Giving Machines fl-Awstralja, il-Kanada, il-Gwatemala, il-Messiku, New Zealand, il-Filippini, u l-Istati Uniti, u kollettivament ikkontribwew $10.4 miljun f’donazzjonijiet.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu estendiet il-barkiet tagħha b’diversi modi oħra wkoll. Il-komunità tal-fidi allokat $8.7 miljun lis-Salib l-Aħmar Amerikan, li għenu fl-akkwist ta’ tagħmir bijomediku, ċentri mobbli ta’ donazzjoni tad-demm, u programmi biex jgħinu lil dawk ta’ dixxendenza Afrikana jittrattaw il-marda taċ-ċelluli “sickle”. Barra minn hekk, il-Knisja impenjat $3 miljun biex tappoġġa kampanja storika ta’ tilqim kontra l-malarja fl-Afrika. Aktar donazzjonijiet kienu diretti lejn inizjattivi bħal serer fil-Bożnija, ħwejjeġ li jsaħħnu għar-residenti ta’ Chicago, kura tas-saħħa fil-Ghana, siġġijiet tar-roti fil-Gwatemala, skola Afrikana Amerikana f’Louisiana, għajnuna f’nirien f’Maui, kura tas-saħħa tat-trabi u għajnuna f’uragani fil-Messiku, refuġju għall-persuni mingħajr dar f’Montreal, sessjoni ta’ ħidma dwar il-prostetika fl-Afrika t’Isfel, spieri tal-ilma nadif fil-Gambja, u t-twaqqif ta’ skola fiż-Żambja — fost ħafna sforzi oħra ta’ impatt.

U l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tibqa’ impenjata li twettaq il-viżjoni stabbilita mill-Profeta u l-President Russell M. Nelson b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Avvanz tan-Nies ta’ Kulur (NAACP). Inizjattiva speċifika waħda li kompliet fl-2023 tinvolvi l-għoti ta’ appoġġ lit-trabi u l-ommijiet f’Memphis, Tennessee.

Il-programm MyBaby4Me, imniedi f’Novembru 2022, għandu l-għan li jnaqqas ir-rati tal-mortalità fit-trabi. B’mod notevoli, il-kodiċi postali 38126 tal-belt jiffaċċa waħda mill-ogħla rati ta’ mortalità tat-trabi fl-Istati Uniti.

Is-sommarju tal-2023 iħeġġeġ lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u lill-ħbieb tal-fidi biex jaqdu lill-oħrajn fil-komunità tagħhom billi jidentifikaw il-ħtiġijiet, jibnu relazzjonijiet, jagħmlu pjanijiet, u jaqsmu l-esperjenzi. Kull taqsima tas-sommarju għandha sezzjoni “X’Nista’ Nagħmel?” biex tgħin lin-nies jaġixxu.

“Aħna għandna fidi u fiduċja fl-imħabba t’Alla għal uliedu kollha,” qalet l-Ewwel Presidenza. “Hemm nies tajbin kullimkien li jgħinu biex iwettqu l-ħidma ta’ salvazzjoni t’Alla billi jieħdu ħsieb il-proxxmu tagħhom u jfarrġuh fiż-żmien ta’ bżonn. Nistiednu lil kulħadd biex jingħaqad magħna hekk kif nilħqu ’l xulxin b’imħabba u b’servizz, u nitolbu lill-Mulej ikompli jbierek dan ix-xogħol kbir.”

Aqra s-sommarju tal-2023, “Caring for Those in Need.” (“Nieħdu Ħsieb ta’ Dawk fil-Bżonn”) (Bl-Ingliż biss)