L-Ewwel Dar tal-Laqgħat tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien Iddedikata fl-Ażerbajġan

Il-Presbiteru David A Bednar issieħeb b’uffiċjali għolja tal-gvern, reliġjużi u membri tal-Knisja biex jiftaħ l-ewwel bini f’Baku

L-ewwel dar tal-laqgħat tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien f’Ażerbajġan ġiet inawgurata mill-Presbiteru David A. Bednar tal-Kworum ta’ Tnax-il Appostlu fil-belt ta’ Baku, nhar it-Tlieta, 13 ta’ Novembru, 2025. Il-Presbiteru Bednar kien akkumpanjat mill-Presbiteru Jack N. Gerard, l-Ewwel Konsulent fil-Presidenza tar-Reġjun Ċentrali tal-Ewropa. Sister Susan Bednar u Sister Claudette Gerard kienu wkoll preżenti, flimkien ukoll ma’ mexxejja oħra tal-Knisja.

L-avveniment storiku mmarka pass important u sinifikattiv għall-Knisja fir-reġjun tal-Kawkasu. Iktar minn erbgħin mistieden attendew iċ-ċerimonja ta’ awgurazzjoni, fosthom uffiċjali tal-gvern, mexxejja reliġjuża u tan-negozju, u dinjitarji distinti oħrajn. Il-mistednin kellhom l-opportunità biex idiru l-bini u jirċievu spjegazzjoni fil-qosor dwar kif jiġu organizzati s-servizzi ta’ qima.

“Dan huwa jum storiku, f’Ażerbajġan, għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien,” qal il-Presbiteru Bednar. “Aħna nħossuna onorati u kuntenti li ninsabu hawn u rikonoxxuti formalment, u li nistgħu niddedikaw din il-faċilità fejn se niltaqgħu u se nqimu. Aħna grati u eċitati li ninsabu hawn fl-Ażerbajġan”.

Iċ-Ċerman Ramin Mammadov, li jmexxi l-Kumitat Statali dwar Affarjiet b’Assoċjazzjonijiet Reliġjużi tal-Ażerbajġan, żied jgħid, “il-ftuħ ta’ dan il-bini huwa xhieda għal kulħadd li s-soċjetà ta’ Ażerbajġan qed tespandi iktar l-għana kulturali u l-akkoljenza għal reliġjonijiet differenti. Nixtieq nirringrazzja lill-Presbiteru Bednar talli jinsab hawn għal din l-inawgurazzjoni u qed jipparteċipa f’dan l-avveniment sinifikattiv u sabiħ għall-Knisja u għall-pajjiż tagħna, l-Ażerbajġan”, temm jgħid.

Mument ta’ Ħbiberija u Fidi

L-inawgurazzjoni inkludiet ċerimonja ta’ qtugħ ta’ żigarella li twettqet b’mod konġunt mill-Presbiteru Bednar, il-Presbiteru Gerard, Ramin Mammadow, u l-Virtù Tiegħu Sheikh-ul-Islam Allahshukur Pashazadeh. Kien hemm mexxejja reliġjużi oħra preżenti. Dan il-mument simboliku enfasizza l-ispirtu ta’ ħbiberija u rispetto reċiproku li kkaratterizza r-relazzjoni bejn il-Knisja u l-poplu tal-Ażerbajġan. Wara ċ-ċerimonja, il-mistednin attendew għal ikla, fejn il-Presbiteru Bednar u l-Presbiteru Gerard esprimew il-gratitudni tagħhom għall-akkoljenza sabiħa li l-Ażerbajġan ta lill-Knisja. Tkellmu wkoll dwar il-valuri konġunti tal-fidi, il-familja, u s-servizz li jgħaqqdu lil dawk li jemmnu u li ġejjin minn kull sfond. Apparti għall-isforzi umanitarji li għandha bħalissa l-Knisja, wieħed mill-programmi tal-Knisja li diġà qed jiġi offrut b’xejn fid-dar tal-laqgħat f’Baku huwa English Connect. Il-programm huwa mfassal biex jgħin lill-individwi jitgħallmu l-Ingliż u jtejbu l-ħiliet tagħhom f’din il-lingwa.

Preżenza li Qed Tikber fl-Ażerbajġan

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kienet reġistrata uffiċjalment f’Lulju 2024, żvilupp li ta l-opportunità biex il-konkregazzjoni lokali tiltaqa’ u biex ikollha d-dar tal-laqgħat permanenti tagħha. Il-faċilità ġdida se sservi bħala dar spiritwali għall-membri tal-Knisja u bħala ċentru għal attivitajiet umanitarji u ta’ djalogu bejn nies ta’ twemmin reliġjuż differenti. L-inawgurazzjoni tad-dar tal-laqgħat ġdida taqbel ħafna mal-viżjoni tal-Ażerbajġan li jippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew twemmin u biex irawwem l-armonija multikulturali. L-impenn antik ta’ dan il-pajjiż lejn ir-rispett reċiproku fost twemmin reliġjuż differenti joffri ambjent ta’ merħba għal nies ta’ kull twemmin biex iqimu u jikkontribwixxu għas-soċjetà.

Il-Presbiteru Gerard esprima apprezzament għar-rieda miftuħa tan-nazzjon biex ikun hemm djalogu u koperazzjoni, xeħta li hu ra u esperjenza għal bosta snin fil-Kawkasu u fir-reġjun tal-Asja Ċentrali. “Dan huwa pass sinifikattiv waqt li aħna qed nibnu s-sisien ta’ fidi għas-snin li ġejjin. Aħna nħobbu lil ħutna irġiel u nisa tal-Ażerbajġan u nħarsu ’l quddiem lejn iktar tkabbir madwar dan ir-reġjun tad-dinja”, qal.

Eżempju sinifikanti ieħor tar-relazzjoni li qed tiżviluppa bejn il-Knisja u l-Ażerbajġan huwa t-tagħlim ta’ klassi tal-lingwa tal-Ażerbajġan fil-Brigham Young University, istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla sponsorjata mill-Knisja li tinsab fi Provo, Utah. Din hija xi ħaġa unika madwar l-Amerika ta’ Fuq kollha.

Kapitlu Ġdid fir-Reġjun

Matul is-serata, laqgħa devozjonali speċjali ġiet organizzata għall-membri u ħbieb tal-Knisja, u l-attendenza kienet ta’ kważi 200 ruħ. Il-Presbiteru Bednar offra talba dedikatorja, u hekk formalment ikkonsagra l-bini bħala post ta’ qima u ta’ ġabra tal-komunità. “L-ikber xewqa tagħna hija li hawnhekk ikun post qaddis”, talab il-Presbiteru Bednar. Huwa wkoll ddikjara fit-talba li “aħna qed ngħixu fi staġun rimarkabbli fl-istorja tad-dinja. Qed naraw ħafna affarjiet inkwetanti fid-dinja, u bla dubju li għandna kommossjoni kbira fid-dinja. Iżda minkejja dan it-taħwid kollu, f’dan il-post, inħossu paċi kbir.”

Id-dedikazzjoni tad-dar tal-laqgħat f’Baku timmarka pass important fit-tkabbir tal-Knisja fil-Kawkasu u fl-Asja Ċentrali, fejn il-membri qegħdin dejjem iżidu fl-attività ta’ servizz komunitarju u fi sforzi umanitarji. Il-Knisja tkompli tikkollabora ma’ sħab fil-lokal biex tippromwovi l-edukazzjoni, l-awto-dipendenza, u l-armonija reliġjuża.

Fid-dar tal-laqgħat ġdida se jkun hemm servizzi ta’ qima tal-Ħadd, attivitajiet tal-istorja tal-familja, u avvenimenti tal-komunità li ħa jkunu miftuħin għan-nies ta’ kull sfond. Matul il-ġimgħa, se tkun miftuħa wkoll għal attiviatjiet soċjali u tal-komunità u għal programmi oħra offruti mill-Knisja.

Lejn l-aħħar tal-jum, Il-Virtù Tiegħu Sheikh-ul-Islam, li jmexxi l-Bord Musulman tal-Kawkasu u huwa l-ewwel mexxej Musulman fir-reġjun, leqa’ f’Baku lill-Presbiteru Bednar u mexxejja oħra tal-Knisja. Żviluppat relazzjoni qawwija, matul is-snin, bejn Sheikh-ul-Islam u l-mexxejja għoljin tal-Knisja, u din il-laqgħa kienet pass ieħor biex jissaħħu dawk ir-rabtiet u biex jingħata apprezzament għall-għajnuna tiegħu biex il-Knisja tiġi rikonoxxuta fl-Ażerbajġan.

Sheikh-ul-Islam kien żar il-kwartieri għolja tal-Knisja ġewwa Salt Lake City, Utah, fejn iltaqa’ mal-President Russell M. Nelson, u iktar riċentament mal-Presideny Dallin H. Oaks. Dawk il-laqgħat saħħew ir-rabtiet ta’ ftehim u rispetto bejn iż-żewġ komunitajiet ta’ twemmin reliġjuż. Għall-bosta snin l-isforz umanitarju tal-Knisja kien fl-Ażerbajġan u kien mexx bosta proġetti u inizjattivi mal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan u ma’ entitajiet oħra internazzjonali u lokali.