Messaġġ tat-Tmexxija tar-Reġjun 

Li Nkunu Ħaġa Waħda fi Kristu

parents with 3 kids reading and laughing together
Elder Pokhylko
Il-Presbiteru Kyrylo Pokhylko, l-Ukrajina Sebgħin Reġjunali, Assistent għall-Presidenza tar-Reġjun Tramuntana tal-Ewropa

Innu sabiħ tal-knisja, bl-isem ta' 'Għaliex jien ingħatajt ħafna' (1) jgħallimna lkoll l-Mulej jridna li nkunu ħaġa waħda u ngħinu lil xulxin bl-istess ammont li ġejna mberkin bih minn Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna. Meta nagħmlu dan, aħna nħarsu b'mod aħjar il-patti tat-tempji li għamilna miegħu. L-appostlu Pawlu għallimna: 'Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm' (2). X'barka hija dik li tkun tista' tissapportja lil xi ħadd u Tkun Ħaġa Waħda fi Kristu. Nistgħu nwettqu ħafna ħwejjeġ ikbar flimkien milli waħedna.  

Li Nkunu Ħaġa Waħda fi Kristu huwa li nistudjaw kliemu flimkien fil-knisja. Aħna lkoll differenti, b'talenti, ħiliet, esperjenza u sfond tal-ħajja kollha differenti. F'dawk id-differenzi, nistgħu nsibu l-qawwa meta niffukaw fuq is-Salvatur u t-tagħlim Tiegħu filwaqt li nkunu flimkien nitgħallmu mill-iskrittura. L-Ispirtu s-Santu se jaħdem magħna b'mod individwali meta nkunu esposti li nitgħallmu u li narrikkixxu l-esperjenza spiritwali tagħna billi nqimu lill-Mulej flimkien. 

Li Nkunu Ħaġa Waħda fi Kristu huwa li naqsmu t-testimonjanzi tagħna u l-istudju tal-iskrittura d-dar mal-familja tagħna. It-tfal għandhom kull dritt li jisimgħu t-testimonjanzi tal-ġenituri tagħhom li dawn jaqsmu magħhom f'ambjent informali u amikevoli. Jeħtiġilhom ikunu jafu li l-ġenituri tagħhom jafu li s-Salvatur jgħix, u li Hu jmexxi lill-Knisja Tiegħu. Il-miżżewġin jeħtiġilhom jisimgħu ta' spiss it-testimonjanza ta' xulxin, biex iqawwu l-fidi ta' xulxin. Aħna nitgħallmu minn Nefi: 'U aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu fi Kristu, aħna nxandru l‑Kristu, aħna nħabbru dwar Kristu, u aħna niktbu skont il‑profeziji tagħna, ħalli wliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iħarsu għall‑maħfra ta’ dnubiethom' (3).  

Li Nkunu Ħaġa Waħda fi Kristu huwa li nagħmlu għal xulxin dak li għamel is-Salvatur. Aħna nitgħallmu mill-iskrittura li kull darba li ngħinu lil xi ħadd jagħmel xi ħaġa sabiex jersaq eqreb lejn is-Salvatur, aħna nersqu eqreb lejh fl-istess ħin. L-isforzi kollha tagħna biex nimministraw, meta mmorru u ngħinu lil xi ħadd, jew meta nitolbu d-dar individwalment jew bħala familja lilll-Missier fis-Smewwiet għal ġid ta' xi ħadd, aħna se nitbierku mill-Ispirtu, u se nersqu eqreb lejn xuxlin bħala wliedu rġiel u nisa. Nefi għallimna lezzjoni kbira fuq kif nistgħu nissapportjaw lil xulxin meta ma nkunux flimkien imma meta nkunu xorta waħda kkonċernati dwar il-benesseri spiritwali u fiżika ta' xulxin. Huwa qal dan li ġej: “Għax għalihom jien nitlob kontinwament matul il‑jum, u għajnejja l‑imħadda tiegħi jxarrbu matul il‑lejl, minħabba fihom; u b’fidi nsejjaħ lil Alla tiegħi, u jien naf li hu jisma’ l‑għajta tiegħi” (4). Il-Missier fis-Smewwiet iħobb lil dawk li jgħinu lil uliedu u jberikhom b'saħansitra iktar opportunitajiet biex jieħdu ħsieb lil xi ħadd.  

Aħna nkunu Ħaġa Waħda fi Kristu meta mmorru l-Knisja l-Ħadd u nieħdu sehem fis-sagrament, meta naqsmu t-testimonjanza ma' oħrajn dwar is-Salvatur u l-evanġelju rrestawrat Tiegħu, u meta mmorru t-tempju biex nipparteċipaw fl-ordinanzi tat-tempju u nservu lil xulxin. Aħna nkunu Ħaġa Waħda fi Kristu hekk kif “naħsbu ċelestjali” dwar xulxin, nippruvaw naraw l-aħjar f’kull persuna, u nkunu ċerti li l-Mulej jista’ jgħin lil kulħadd jersaq lejh u jibdel kull persuna li tkun lesta tesperjenza dik il-bidla qawwija. 


  1. Innijiet tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien #219, 'Għaliex jien ingħatajt ħafna'  
  2. 2 Korintin 1:3-4 
  3. 2 Nefi 25:26 
  4. 2 Nefi 33:3