Il-kunċert Xhieda tal-Milied tas-sena l-oħra, bi produzzjoni tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Aħħar Żmien fl-Ewropa, għall-ewwel kien se jkun daqsxejn ta' kunċert in-persuna f'ċentru tal-wited lokali ġewwa l-Italja. Fil-fatt, lanqas biss kien imsejjaħ Xhieda tal-Milied—kien biss l-offerta ġeneruża ta' Jenny Oaks Baker, vjolinista innominata għall-Premju Grammy, li tagħti kunċert tal-Milied flimkien mal-familja tagħha f'Ruma għal ftit mijiet ta' qaddisin lokali. M'hemmx dubju li dan il-kunċert kellu jkun wieħed divertenti u ta' ispirazzjoni, iżda mid-dehra l-Mulej kellu pjanijiet ikbar f'moħħu.
Ruth Lorenzo, minn Spanja, tkanta fil-kunċert Xhieda tal-Milied – Simboli ta' Kristu, produzzjoni tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fl-Ewropa.
Il-kunċert Xhieda tal-Milied fl-2021, iffilmjat fiċ-Ċentru tal-Visitaturi fit-Tempju ta' Ruma, l-Italja.
Il-kast kollu—mil-lemin għax-xellug: Jack u Marta Tyndale-Biscoe (pjanu), Vesna u Igor Gruppman (vjola u vjolin), Constanze u Wolfgang Gebauer, Naura, Ruth Lorenzo, Alex Sharpe, Salome Moana, u Louis u Per Herrey (vuċi).
Fid-dawl tal-għeja li għadha tinħass mill-Corona virus, il-Presbiteru Massimo De Feo, li kien għadu kemm ġie msejjaħ bħala l-President tar-Reġjun, ħaseb kif il-programm ta' Jenny seta' jkun ir-rigal perfett għal kulħadd fir-Reġjun tal-Ewropa. B'mod kważi mirakoluż, dak li beda bħala daqsxejn ta' devozzjonali spiċċa f'xandira storika li ntweriet mhux biss madwar l-Ewropa kollha, iżda wkoll minn tarf sa tarf tad-dinja. Xhieda tal-Milied, li kien iffilmjat fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tat-Tempju ta' Ruma u fil-Knisja famuża tal-Madonna f'Kopenħagen, kellu lil Jenny Oaks Baker u Family Four, Alex Sharpe, fil-passat membru ta' Celtic Woman, l-attur famuż Daniż u Qaddis tal-Aħħar Żmien Tomas Kofod, u kelmtejn tal-għeluq mill-Presbiteru De Feo u l-President Dallin H. Oaks tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja. Meta wieħed jikkonsidra l-oriġini umli tal-produzzjoni u l-fatt li l-COVID-19 kienet qed thedded li din setgħet tmut fuq ommha, is-suċċess kien tassew mirakoluż.
Minkejja dan kollu, għal Brian Cordray, il-kittieb, direttur, u produttur tal-avveniment, is-suċċess inevitabbilment wassal għal mistoqsija oħra: X'setgħet tagħmel il-Knisja fl-Ewropa s-sena li jmiss biex tibni fuq din l-esperjenza? Lil min kellhom jingaġġaw biex ikun parti mill-kast il-ġdid? X'kanzunetti kellhom ikantaw? Fejn kellhom idoqqu? Min se jkun in-narratur? Kif setgħu jagħmlu ll-iskritt interessanti? U fl-aħħar mill-aħħar, kif seta' jistieden l-istess spirtu tal-kunċert preċedenti filwaqt li jibni fuq il-livell li dan kien stabbilixxa?
Dawn il-mistoqsijiet, u oħrajn bħalhom, kienu ħwejjeġ li kellhom jibdew jaħdmu biex jirrisolvu sa minn Jannar ta' din is-sena. Billi mexa fuq id-direzzjoni tal-Mulej u billi mexa 'l quddiem, pass wara pass, fil-fidi, it-tim tal-produzzjoni rnexxielu li mix-xejn joħloq kapulavur tal-Milied.
Tnejn mill-aħwa Herrey - Louis u Per, ikantaw l-għanja tal-Milied Svediża Nu Tändas Tusen Juleljus.
Marta u Jack Tyndale-Biscoe, mir-Renju Unit u Spanja, jesegwixxu l-arranġament ta' Kurt Bestor ta' O Come All Ye Faithful.
Ruth Lorenzo matul is-solo tagħha Joy to the World.
Vesna u Igor Gruppman, mis-Serbja u l-Ukrajna, jesegwixxu Carol of the Bells.
Il-kantanta Svizzera Salome Moana waqt is-solo tagħha Holly & Ivy.
Alex Sharpe, mill-Irlanda, fil-preludju tal-final—In the Bleak Midwinter.
Constanze u Wolfgang Gebauer, Naura, Ruth Lorenzo, Alex Sharpe, u Salome Moana fil-final tal-kunċert—O Holy Night.
It-teatru Ruman ta' Mérida, fi Spanja.
L-ekwipaġġ tal-produzzjoni fuq is-sit f'Mérida, Spanja.
Ingaġġ ta' artisti
Sa mill-bidunett, ħaġa waħda kienet ovvja—li l-kunċert kellu jkun jinħass bħala xi ħaġa distintament Ewropea. Filwaqt li, fiċ-ċirkostanzi tas-sena l-oħra, li tgħaqqad flimkien talent tal-ogħla klassi kienet diġà xi ħaġa impressjonanti, din is-sena, b'iktar żmien ta' preparazzjoni, l-ekwipaġġ ried li jingaġġa kast kollu kemm hu Ewropew, xi ħaġa li fl-aħħar irnexxielu jagħmel.
Permezz tal-approċ 'Vitamin C' tant magħruf li jaħdem f'Hollywood jew bis-saħħa ta' kuntatti ta' kuntatti, it-tim tar-reġjun ikkonnetja ma' netwerk ta' artisti professjonali Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar l-Ewropa kollha. Ħafna telefonati u imejls wasslu għal introduzzjonijiet ta' malajr u ideat informali dwar il-proġett. B'ferħ kbir għall-produtturi, ma damux wisq biex irnexxielhom jingaġġaw mużiċisti ta' nazzjonalitajiet u ġeneri differenti li lkoll, sforz l-imħabba għas-Salvatur, offrew il-ħin u t-talenti tagħhom b'xejn.
Jack u Marta Tyndale-Biscoe (ir-Renju Unit u Spanja) – Il-pjanist Jack Tyndale-Biscoe studja l-mużika fi tliet kontinenti u daqq f'bosta tours madwar l-Ewropa kollha. Fil-preżent huwa Talented Unlimited U.K. u DEBUT Classical Artist. Marta hija pjanista u pedagogu Katalana. It-tnejn li huma għallmu bħala professuri aġġunti tal-mużika u tal-lingwi fl-Università ta' Brigham Young – Idaho qabel ma mxew lejn Londra.
Vesna u Igor Gruppman (is-Serbja and l-Ukrajna) – il-vjolinisti u rebbieħa tal-Grammy Igor u Vesna Gruppman ltaqgħu fil-Konservatorju ta' Moska u minn dak inhar kellhom karriera mużikali ta' suċċess inkredibbli bħala mużiċisti, diretturi orkestrali, u għalliema. Huma issa bbażati f'Rotterdam, l-Olanda, fejn Igor iservi bħala kunċertmastru għall-Orkestra Filarmonika ta' Rotterdam u Vesna tgħallem il-Vjola fil-Konservatorju ta' Rotterdam.
Constanze u Wolfgang Gebauer (l-Awstrija u l-Ġermanja) – Kantanti tal-opra bravi t-tnejn li huma, Wolfgang u Constanze Gebauer ltaqgħu l-ewwel darba fuq il-palk u minn dak inhar qatt ma telquh, billi jkantaw flimkien f'opri, musicals, u kunċerti madwar l-Ewropa kollha.
Naura (Spanja) – Naura studjat il-mużika f'żewġ istituzzjonijiet Spanjoli u kantat f'kunċerti numerużi bħala sopran solista, akkumpanjata, fost l-oħrajn, mill-Orkestra Simfonika ta' Navarra, kif ukoll mill-Banda Pamplonesa.
Ruth Lorenzo (Spanja) – Magħrufa sew wara li spiċċat fil-5 post f' X Factor U.K., Ruth għandha karriera solo ta' suċċess li tinkludi 3 albums li telgħu fiċ-charts, 4 tours fi Spanja, u notevolment, waħda mill-iktar prestazzjonijiet tajbin ta' Spanja fil-Konkors tal-Kanzunetti tal-Eurovision.
Alex Sharpe (l-Irlanda) – Alex hija l-iktar magħrufa bħala membru tal-grupp innominat għall-Grammy, Celtic Woman, u mexxiet bosta preżentazzjonijiet mużikali u ta' solista madwar id-dinja.
Salome Moana (l-Isvizzera) – Salome, li kisbet lawrja kemm tal-baċellerat u kemm tal-masters mill-Akkademja tal-Mużika f'Basel, l-Isvizzera, hija artista tal-jazz-pop li għandha futur mill-isbaħ u li ħarġet l-ewwel album tagħha fl-2020, bit-tieni wieħed ippjanat għar-rebbiegħa tal-2023.
Louis u Per Herrey (l-Isvezja) – Louis u Per Herrey huma tnejn mit-tliet membri tal-boyband The Herreys, li rebħu l-Konkors tal-Kanzunetti tal-Eurovision fl-1984, u hekk fetħu karriera brillanti li kkonsistiet f'10 albums fl-istudio u tours ta' suċċess kbir.
Savannah Stevenson mir-Renju Unit, li interpretat lil Marija fil-Vidjos tal-Bibbja prodotti mill-Knisja.
Il-faċċata tal-Mużew ta' Charles Dickens f'Londra, magħruf mad-dinja kollha.
Savannah Stevenson fil-Mużew ta' Charles Dickens f'Londra.
L-ekwipaġġ tal-iffilmjar jissetjaw l-inkwadratura ġusta tan-narratur, Savannah Stevenson.
Jitwaqqaf il-palk fit-Teatru Ruman ta' Mérida, fi Spanja.
Aristi tal-irtokkar jaħdmu wara l-kwinti fit-Teatru Ruman ta' Mérida, fi Spanja.
Selezjoni ta' Repertorju
Filwaqt li l-programm tas-sena l-oħra kien jikkonsisti l-iktar fi bċejjeċ strumentali, din is-sena l-enfasi kienet magħmula fuq esekuzzjoni ta' siltiet kemm strumentali u kemm vokali. Għal dan il-għan, it-tim tal-produzzjoni talab l-għajnuna ta' Jenny Oaks Baker, l-artista ewlenija mill-kunċert tas-sena l-oħra, li ssieħbet mal-kompożitur ta' ħafna premijiet wara ismu, Kurt Bestor, biex joħolqu arranġamenti ġodda ta' għanjiet għeżież tal-Milied mill-Ewropa li se jirriflettu t-temi uniċi tal-kunċert.
-
- Overture: Orkestra
- Tu Scendi Dalle Stelle: Naura
- Nu Tändas Tusen Juleljus: Herreys
- O Tannenbaum: Il-koppja Gebauer
- Holly & Ivy: Salome
- O Come All Ye Faithful: Id-duo Tyndale-Biscoe
- Carol of the Bells: Id-duo Gruppman
- Joy to the World: Ruth
- In the Bleak Midwinter: Alex
- Finale: O Holy Night esegwita minn Kulħadd
Meta l-artisti ġew mistoqsijin liema kienet il-parti favorita mill-kunċert, bosta rreferew għall-arranġement oriġinali tal-klassika tal-Milied O Holy Night. Dwar dan, il-pjanist ta' fama Jack Tyndale-Biscoe irrimarka li, 'It-tama tagħna hija li dawk li jisimgħu, speċjalment din is-silta tal-aħħar, kemm [dawk] tat-twemmin tagħna u kemm il-ħafna ħbieb oħra tagħna li mhumiex, ikunu trasportati sabiex forsi jħossu iktar reverenza għal dak il-lejl qaddis fl-istorja tal-umanità, iħossu iktar dawl jippenetra ġewwa ruħhom u qalbhom hekk kif jaħsbu fl-għotja ta’ Salvatur, u ultimament iħossu iżjed imħabba filwaqt li jgħarblu l-qofol tal-istaġun tal-Milied; gratitudni u għotja.”
Jinstabu l-postijiet
Xi drabi, it-triq it-tajba timmaterjalizza biss wara li jkun ittieħed l-ewwel pass li ma tafx eżatt fejn se jwassal. U hekk ġara fil-każ tal-kunċert ta' din is-sena. L-idea kienet li jinstab sit li b'mod speċjali joħloq konnessjoni bejn l-ispettaturi u żmien Ġesù permezz ta' fdalijiet tal-Imperu Ruman li kien isaltan dak il-perjodu, iżda ħafna mis-siti l-iktar magħrufin fl-Italja kienu sfortunatament jinvolvu spejjeż li ma setgħux jintleħqu. Meta l-kast kien qed jiġi ingaġġat, Cordray ġie introdott ma' Ruth Lorenzo, waħda mill-artisti l-aktar brillanti fi Spanja, li introduċietu ma' Mérida, fi Spanja, Sit ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO, li fih il-fdalijiet ta' kapitali provinċjali Rumana mwaqqfa 25 sena biss qabel it-twelid ta' Kristu. Wara bosta laqgħat, kien f'Ottubru li għadda li l-amministrazzjoni fl-aħħar ippermettiet l-iffilmjar bi sfond tal-amfiteatru Ruman.
Dwar dan l-ambjent, is-solista Alex Sharpe qalet, 'L-ambjent tal-amfiteatru Ruman ta' Mérida, fi Spanja, kien wieħed mill-isbaħ, u lili milll-ewwel ħadni lura fiż-żmien, li nkun fuq dak il-palk u nkanta taħt l-istilel għenni biex nimmaġina lil Marija u lil Ġużeppi f'inħawi qodma bħal dawn iġibu lis-Salvatur fid-dinja u l-antiċipazzjoni ta' tama fl-arja.”
Narrazzjoni tal-istorja tal-Milied
Il-kunċert tas-sena l-oħra kellu narrazzjoni mill-aqwa tal-attur Daniż Tomas Koford, li fil-passat interpreta l-irwol sagru ta' Ġesù Kristu fil-produzzjoni tal-Knisja The Testaments. Fit-tfittxija għal vuċi femminili għal din id-darba, it-tim tal-produzzjoni rnexxielu jingaġġa lil ħadd ħlief il-bravissima Savannah Stevenson tar-Renju Unit, li ħafna membri tal-Knisja aktarx se jagħrfuha bħala l-attriċi li interpretat il-parti ta' Marija, omm Kristu, fil-Vidjos tal-Bibbja tal-Knisja ta' Ġesù Kristu. Stevenson, qal Cordray, 'ġabet ħafna ħlewwa u professjonalità fl-irwol ta' narratur.”
Malli Stevenson aċċetat, it-tim tal-produzzjoni inkarigat mill-postijiet beda jfittex għal siti fir-Renju Unit fejn l-ekwipaġġ seta' jiffilmja n-narrazzjoni. Meta bdew ifittxu ambjent perfett tal-era Vittorjana, membri lokali tal-Knisja ssuġġerewlhom il-Mużew ta' Charles Dickens ġewwa Londra. Għall-iskritt ta' Cordray, dan kien ta' effett kbir meta huwa ntebaħ bl-opportunità li se toffri lill-kitba tiegħu l-istorja klassika A Christmas Carol ta' Dickens. Wara kollox, skont Cordray, 'Huwa ċar li l-vjaġġ ta' Scrooge huwa wieħed spiritwali li matulu hu jitgħallem biex isir iktar bħal Kristu. Mhux dak li nixtiequ lkoll kemm aħna?'
Sa mill-bidu, it-tim tal-produzzjoni kellu wkoll l-idea li jikkonsidra kif ħafna affarjiet tal-Milied li spiss inqisu aktarx sekulari (eż.: is-siġra tal-Milied, il-qasab tal-ħelu, il-qniepen, il-kalzetti, il-girlandi, eċċ.) fil-fatt jikkonnettjawna lkoll ma' Kristu. Din l-idea baqgħet magħhom sal-aħħar, u għalhekk id-dehra ta' bosta minn dawn is-simboli fil-programm u l-isem mibdul għal Xhieda tal-Milied – Simboli ta' Kristu.
Nesperjenza l-ispirtu tal-Milied permezz tal-mużika
Għall-produtturi, b'xorti tajba ma kellhiex tkun diffiċli li jerġgħu jaqbdu l-ispirtu ħlejju li kien jinħass sew fl-ewwel kunċert Xhieda tal-Milied - sakemm il-kunċert kellu jibqa' ffukat fuq ir-raġuni vera tal-istaġun tal-festi: Ġesù Kristu. “[Alla] ta bħal spirtu divin lill-preżentazzjoni,' qalet il-kantanta tal-opra Costanze Gebauer, 'sabiex kulħadd,' indipendentament mill-isfond, in-nazzjonalità, jew l-affiljazzjoni reliġjuża, 'iħoss dan l-ispirtu.'
Fit-Testment il-Ġdid, Mattew jikteb, 'Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.' (Matt. 18:20) Għal Xhieda tal-Milied – Simboli ta' Kristu, għexieren ta' qaddisin litteralment iltaqgħu flimkien f'ismu—mill-ekwipaġġ tal-produzzjoni sal-kast, u saħansitra sal-bosta tradutturi li għamlu l-kunċert disponibbli f'31 lingwa differenti. Kif kollha kemm huma jikkonfermaw b'leħen wieħed, Ġesù Kristu kien 'f'nofshom' matul din il-produzzjoni unika.
Kif Tarawh
Xhieda tal-Milied – Simboli ta' Kristu se jixxandar dirett nhar il-11 ta' Diċembru, 2022, fis-6pm CET. Se jkun disponibbli fuq l-istazzjonijiet uffiċjali tal-knisja, inkluż: dawluddinja.org, l-Area Country Page, YouTube u Facebook sa nofs Jannar 2023.
Matul il-programm, se jkun hemm attivitajiet għat-tfal u l-familji tagħhom, li wieħed isibhom fuq dawluddinja.org.
Iktar materjal inkluż il-kalendarju ta' servizz tal-Milied, posters, pass-along cards u vidjos promozzjonali se jkunu disponibbli f'qasir żmien fuq dawluddinja.org.