Kmieni s-sena li għaddiet, jien u ħabiba tiegħi morna nieklu flimkien. Ftit qabel il-laqgħa tagħna, lqajna l-istedina tal-President Nelson biex insegwu s-sejħa u biex nitgħallmu dwar “dak kollu li wiegħed il-Mulej, li se jagħmel patt ma’ Iżrael, li nixtarru dawn il-wegħdiet, u mbagħad niddiskutu “mal-familja u mal-ħbieb tagħkom.” [1] Qalbna tqanqlet hekk kif limkien immeraviljajna ruħna dwar l-wegħdiet tal-Mulej.
Hija stqarriet miegħi li sakemm studjat għaliha nnifisha, kienet “riedet twerżaq” meta semgħet it-terminu “triq tal-patt” fit-taħditiet u l-lezzjonijiet tal-Knisja. Il-kliem ftit li xejn kien jagħmel sens. Imbagħad, bi sforz u b’attenzjoni, id-dwejjaq għebu hekk kif il-fehma u l-ferħ tkattru minfloku.
L-istudju tagħna stess dwar il-patt ta’ Iżrael (isem li jista’ jinqara u li jfisser “ħalli lil lla jirbaħ”) jista’ jgħallimna li l-wegħdiet tal-Mulej jieħdu l-għeruq fost - u mhux fin-nuqqas - ta’ nkwiet u tħassib ta’ kuljum. [2] Bħal kull persuna, Abram u Saraj (li jsiru Abraham u Sara), binhom Iżakk u martu Rebekka, u n-neputi tagħhom Ġakobb (li jsir Iżrael) u l-familja tiegħu kollha kellhom jiksbu abitazzjonijiet, ikel, ilma, familja, ġens, paċi, u identità kemm dak iż-żmien kif ukoll għan-nies futuri. [3] Nafuh dan is-sentiment.
Imma l-Mulej jagħtihom soluzzjoni kuraġġuża: tiġrux warajhom bil-mod tas-soltu, bil-mod uman, filwaqt li b’żelu tippruvaw tiżgurawhom għalikom infuskom. Minflok, Alla jgħid, l-ewwel tqarrbu miegħi, aġixxu fuq il-kliem li se nagħtikom, u mbagħad jien inqarribkom ma’ dawk ta’ madwarkom, nurikom, nipprovdi għalikom, nipproteġikom, nagħtikom posterità, u nsemmikom. [4]
Dan l-iskambju m’Alla għandu mnejn għall- ewwel tħossu skomdu għax jmur kontra l-istinti naturali. L-istint tagħna jgħid: niksbu meta niġu l-ewwel, eżatt? Minflok, il-Mulej jistedinna nħaddnu tensjoni: intaffu t-tgħanniqa fiergħa tagħna ta’ ċertezza biex niżguraw futur ċert. [5] Hekk jgħallem Mosè lill-Iżraelin hekk kif il-Mulej jużah biex joħloq mill-ġdid l-identità tal-patt ta’ Iżrael wara aktar minn erba’ sekli ta’ jasar Eġizzjan: “ Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, mbagħad temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.” [6]
Nisimgħu lil Ġesù jtenni din l-istess verità fil-bidu tal-Ministeru tiegħu. Filwaqt li fl-40 sena li Iżrael għadda fid-deżert reġa’ bena mill-ġdid l-għarfien tal-patt tiegħu, is-sawma estiża ta’ Ġesù fid-deżert wasslet biex l-identità divina tiegħu fil-patt titqiegħed f’dubju:
“U baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu, Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż. Iżda hu wieġbu, Hemm miktub, Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” [7]
Il-kliem tal-għajxien tal-patt huma tant profondi f’Ġesù u hu jgħammar fihom b’mod tant sħiħ li jiffurmaw ir-rispons naturali tiegħu fil-mument meta l-identità tiegħu u l-impenn tal-patt tiegħu jiġu attakkati.
Mhux wisq wara, Ġesù jsaħħaħ dan it-tagħlim: “Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, X’se nieklu? jew X’se nixorbu? jew X’se nilbsu? … għax Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”
[8]
B’dan il-ħsieb, nifhmu aħjar waħda mill-isfidi finali tal-President Nelson: “Issa wasal iż-żmien li nagħmlu d-dixxipulat l-ogħla prijorità tagħna. … la għadu kmieni wisq u lanqas tard wisq biex inti ssir dixxiplu devot ta’ Ġesù Kristu.” [9] Tassew, bħalma ħeġġiġna l-President Nelson: “It-triq tal-patt hi miftuħa għal kulħadd. Nitolbu bil-ħniena ma’ kulħadd biex nimxu dik it-triq magħna. L-ebda xogħol ieħor mhu daqshekk inklussiv b’mod universali.” [10]
Noti
- Il-President Russell M. Nelson, “Ħalli Lil Alla Jirbaħ,” Konferenza Ġenerali Ottubru 2020, https://www.churchofjesuschrist.org/study/general-conference/2020/10/46nelson
- Nelson, “Ħalli Lil Alla Jirbaħ.” F’din it-taħdita, il-President Nelson jirrimarka: “Bl-għajnuna ta’ żewġ studjużi Ebrajċi, tgħallimt li waħda mit-tifsiriet Ebrajċi tal-kelma Iżrael hi “ħalli lil Alla jirbaħ.” B’ hekk l-isem innifsu t’Iżrael jirreferi għal persuna li lesta tħalli lil Alla jirrenja f’ħajjitha. Dan il-kunċett iqanqal lir-ruħi!”
- Ara, eż., Ġen. 12:1-4; 13:2-9; 17:6-20; 21:24-31; 24:11-14.
- Ara Ġen. 12:1-3, 7; 13:14-18; 15:1-4; 17:1-22; 18:13-33; 20:17-18; 21:12-13; 22:1-2; 26:2-5, 24; 28:12-15; 31:3, 11-13; 32:24-30; 35:1, 9-13; 39: 2, 21; 46: 2-4; 48:3-
- Eżempji ta’ din id-dinamika fl-iskrittura huma wisq numerużi biex tgħoddhom, iżda eżempji prominenti jinkludu l-iskambju ta’ Ġesù maż-żagħżugħ li jistaqsi dwar il-ħajja eterna f’Mark 10 (10:17-27) u l-inkoraġġiment tal-Mulej lil Joseph Smith fid-Duttrina u Patti 123 (123:13-17).
- Dewt. 8:3. Iż-żmien li għaddew il-Lhud/Iżraeliti fl-Eġittu jinsab f’Eżodu 12:40–41.
- Matt. 4:2–4 (enfasi miżjuda).
- Matt. 6:31–33.
- Il-President Russell M. Nelson, “Il-Mulej Ġesù Kristu Se Jerġa’ Jiġi,” Konferenza Ġenerali Ottubru 2024, https://www.churchofjesuschrist.org/study/general-conference/2024/10/57nelson
- Il-President Russell M. Nelson, “Il-Patt ta’ Dejjem,” Liahona, Ottubru 2022 (https://www.churchofjesuschrist.org/study/liahona/2022/10/04-the-everlasting-covenant) (enfasi miżjuda).