Belt ta’ Salt Lake

Niftakru fil-Ħajja tal-President Russell M. Nelson

image

B’niket inħabbru li Russell M. Nelson, il-maħbub President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, għadda fil-paċi għal ħajja oħra ftit wara l-10 ta’ filgħaxija, ħin Amerikan tal-punent, fid-dar tiegħu ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake. Huwa kellu 101 — l-ixjeħ president fl-istorja tal-Knisja.

Il-President Nelson ġie msejjaħ bħala Appostlu, nhar is-7 ta’ April, 1984. Huwa sar il-mexxej tal-Knisja fl-14 ta’ Jannar, 2018. Iż-żmien tiegħu bħala profeta għal dejjem se jibqa’ mfakkar bħala wieħed ta’ ministeru globali (huwa żar 32 pajjiż u territorju Amerikan), żieda fil-bini tat-tempji (huwa ħabbar 200 tempju ġdid) u li wettaq bidla profonda. Mill-konferenza ġenerali ta’ April 2018, li fiha ġie sostnut bħala Appostlu anzjan, il-President Nelson beda jintroduċi ċertu tibdil frekwenti maħsub biex jgħin lill-Qaddisin jimministraw aktar bħal Ġesù Kristu u jenfasizzaw aktar l-irwol ċentrali tas-Salvatur tad-dinja f’dak kollu li tagħmel il-Knisja.  Sezzjonijiet aktar ’il quddiem ta’ dan l-obitwarju se jitkellmu fid-dettall dwar il-vjaġġar tiegħu bħala president u l-bosta tibdil li huwa implimenta.

Qabel is-servizz full-time tiegħu fil-Knisja, il-President Nelson kien kirurgu tal-qalb mill-aktar rispettat mad-dinja kollha. Huwa wettaq l-ewwel operazzjoni tal-qalb f’Utah fl-1955. Huwa serva bħala president tas-Soċjetà għall-Kirurġija Vaskolari, direttur tal-Bord Amerikan tal-Kirurġija Toraċika, chairman tal-Kunsill dwar il-Kirurġija Kardjovaskulari għall-Assoċjazzjoni Amerikana tal-Qalb u president tal-Assoċjazzjoni Medika tal-Istat ta’ Utah. Huwa kiteb għadd ta’ kapitli f’kotba u pubblikazzjonijiet oħra mediċi. Huwa għallem u għamel żjarat b’mod professjonali f’għadd ta’ organizzazzjonijiet madwar l-Istati Uniti u ġnus oħra. U huwa kien jitkellem bi 11-il lingwa.


“Huwa kien sempliċiment l-aktar persuna dħulija u simpatika li qatt tista’ tiltaqa’ magħha.”

—Il-President Dallin H. Oaks

“Ilkoll kemm aħna li ħdimna ma’ Russell M. Nelson, u l-ħafna li huwa għallem u ħadem magħhom, konna nibqgħu mistagħġbin bil-modestà straordinarja li kellu dan ir-raġel li rnexxa bil-kbir,” qal il-President Dallin H. Oaks, li ġie msejjaħ biex iservi fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu fl-istess jum bħall-President Nelson fl-1984 u li serva bħala l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza tal-President Nelson.  “U aħna konna nistagħġbu bil-ġentilezza tiegħu. Huwa kien sempliċiment l-aktar persuna dħulija u simpatika li qatt tista’ tiltaqa’ magħha. U se nibqgħu niftakruh b’dan il-mod.”

Il-President Nelson ħalla warajh lil martu, Wendy, lil tmienja mill-10 uliedu, lill-57 neputijiet, aktar minn 167 proneputijiet.

L-istess bħall-Appostli fiż-żminijiet tat-Testment il-Ġdid, l-Appostli Qaddisin tal-Aħħar Żmien huma msejħa bħala xhieda speċjali ta’ Ġesù Kristu. Il-President Nelson kien wieħed minn 15-il raġel li għen jissorvelja t-tkabbir u l-iżvilupp tal-Knisja globali, li issa tlaħħaq ma’ aktar minn 17-il miljun membru.

Mhux mistenni li jintgħażel suċċessur b’mod formali mill-Kworum tat-Tnax-il Appostlu tal-Knisja qabel ma jsir il-funeral tal-President Nelson (id-dettalji għandhom pendenti).

“Tabib Maħbub” Li Amalgama l-Mediċina u l-Fidi

image
Russell M. Nelson jispjega proċedura kirurġika lil infermiera. 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

Wieħed jaf ma jistenniex Appostlu li jkun kirurgu tal-qalb rinomat mad-dinja, kif kien il-każ tal-President Nelson qabel is-sejħa tiegħu biex iservi għall-bqija ta’ ħajtu fil-Knisja.  Iżda li wieħed ifejjaq il-qlub b’mod fiżiku u spiritwali mhijiex xi ħaġa rari għad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu, tul iż-żminijiet differenti. Luqa, il-kittieb tat-Testment il-Ġdid, kien tabib ta’ ċerta reputazzjoni—fil-fatt, l-Appostlu Pawlu, li miegħu huwa vjaġġa bħala missjunarju, sejjaħlu “it-tabib għażiż” (Kolossin 4:14).

Bħala tabib, il-President Nelson kien probabbilment l-aktar magħruf għas-sehem tiegħu fl-iżvilupp ta’ magna tal-qalb u l-pulmun artifiċjali żgħira biżżejjed biex tiffunzjona f’kamra tal-operazzjoni. Xi ħaġa li saret possibbli bl-appoġġ u l-inkuraġġiment imprezzabbli tal-ewwel mara tiegħu, Dantzel, kienet kisba li wriet bil-kbir l-apprezzament tiegħu għar-rigal tal-ħajja. “Naħseb li kirurgu jinsab fil-pożizzjoni unika li jifhem waħda mill-akbar ħwejjeġ li ħoloq Alla—il-ġisem uman,” huwa qal. “Kull parti tal-ġisem timmotivani biex nimtela bil-fidi.

Il-qima tal-President Nelson lejn il-ħajja naqqxet fih atteġġjament spiritwali lejn il-mediċina. L-iskrittura tiegħu fid-Duttrina u Patti ggwidat l-għemejjel tiegħu sew fil-kamra tal-operazzjonijiet u sew lil hinn minnha. “U meta niksbu xi barka mingħand Alla, din niksbuha permezz tal-ubbidjenza lejn dik il-liġi li hi marbuta magħha” (Doctrine and Covenants 130:21).

“Fi kliem ieħor,” il-President Nelson qal, “intom ma toqogħdux tixxenqu għal xi barka; intom għandkom taħdmu għal barka u taraw li dan ikun possibbli. Jiena spiss għallimt lit-tìm tiegħi li kont inkun naħdem miegħu: Dan il-pażjent kien qed jitlob li kollox imur sew, u hu għandu familja li qed titlob li kollox imur sew. Dak it-talb kollu ma jwassal imkien jekk intom tagħmlu żball wieħed, għalhekk jeħtieġ li tagħmlu xogħolkom b’mod perfett sabiex dan il-pazjent ikollu l-possibbiltà li jikseb il-barka li qed ifittex.

Iż-żmien tiegħu fl-iskola tal-mediċina kien ikopri l-ewwel 12-il sena taż-żwieġ tiegħu. Il-gradwazzjoni tiegħu mill-iskola medika tal-Università ta’ Utah, fl-età ta’ 22 sena, ġiet segwita minn apprendistat u bosta snin oħra jaħdem ġewwa Minnesota u Massachusetts; wara għamel sentejn fil-militar ġewwa Washington, D.C, u barra mill-Amerika, u mbagħad kiseb dottorat mill-Università ta’ Minnesota. L-interess li dejjem kien fih fir-riċerka eventwalment wasslu għall-ħidma innovattiva fuq il-magna tal-qalb u l-pulmun. Aktar tard huwa serva bħala professur tar-riċerka tal-kirurġija u direttur tar-Residenza tal-Kirurġija Toraċika fl-Università ta’ Utah u bħala chairman tad-Diviżjoni tal-Kirurġija Toraċika fl-Isptar QAŻ fil-Belt ta’ Salt Lake.

image
Il-President Russell M. Nelson fl-1982. Huwa kien kirurgu tal-qalb mill-aktar bravu qabel ma ġie msejjaħ biex ikun Appostlu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Aħħar żmien. 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

Fl-1955 il-President Nelson wettaq l-ewwel operazzjoni tal-qalb f’Utah, u hu wettaq ’il fuq minn 7,000 operazzjoni tul il-karrieri tiegħu. Waħda mill-aktar operazzjonijiet notevoli seħħet fl-1972, meta l-imħabba li l-President Nelson kellu lejn il-mediċina u r-reliġjon ngħaqdu flimkien meta huwa ġiet mitlub biex iwettaq operazzjoni mill-aktar riskjuża fuq Spencer W. Kimball, li dak iż-żmien kien l-Appostlu anzjan tal-Knisja. Il-President Nelson kien qed iservi bħala l-President Ġernali tal-Iskola tal-Ħadd tal-Knisja waqt li kien qed ikompli bil-ħidma tiegħu bħala kirurgu. Huwa ġie mogħti barka saċerdotali qabel l-operazzjoni li hu kien jemmen li kienet ħalliet effett fuq ir-riżultat aħħari.

“Kien bħal mużiċista li beda jdoqq kunċert tal-pjanu mingħajr qatt ma għamel żball qabel jew bħal pitcher tal-baseball jiskorja permezz ta’ ballun li ma jiżbaljax,” huwa qal. “Dik l-operazzjoni twila u kumplikata saret mingħajr żball wieħed. Fl-aħħar tal-operazzjoni meta qalbu bdiet tħabbat b'qawwa, jiena naf li huwa kien se jgħix. U meta konna qed nagħlqu sidru, ħassejt li dan ir-raġel kien se jibqa’ jgħix u se jsir il-President tal-Knisja.”

Spencer W. Kimball fil-fatt sar il-President tal-Knisja u għex 13-il sena oħra.

“Il-President Nelson kellu ideat mill-aktar importanti grazzi għat-taħriġ mediku tiegħu fil-kwistjonijiet tas-saħħa li qamu fejn jidħlu l-Awtoritjiet Ġenerali,” qal il-President Oaks.  “U huwa tana ideat meraviljużi x’kienet tfisser xi dijanjosi partikolari u x’kienet l-istennija, u dwar l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ dik id-dijanjosi partikolari.”

Il-Ħajja ma’ Dantzel

Il-President Nelson dejjem fittex li jagħmel l-almu tiegħu f’dak kollu li jkun se jagħmel. Meta kien tifel żgħir, l-ewwel interess tiegħu kien fl-arti tal-ispettaklu u mhux fl-arti tal-fejqan. Huwa kien ikanta bħala tenur fi kwartet li rebaħ il-premjijiet u kellu l-parti prinċipali fi musikal meta kien għadu student tal-ewwel sena fl-Università ta’ Utah.  Fil-fatt, l-imħabba tiegħu lejn il-mużika eventwalment wasslitu għall-imħabba ta’ ħajtu.

image
Il-President Nelson u martu, Dantzel, fl-1945. 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

Huwa jiftakar li wasal għall-prova ta’ xogħol għall-palk u jisma’ waħda soprano fuq il-palk. “Kemm kienet meraviljuża,” qal il-President Nelson. “Leħinha kien inkredibbli, u jien għidt, ‘Din min hi?” Id-direttur mużikali wieġeb, “Dik Dantzel White. Inti magħha trid tkanta waqt dan l-ispettaklu.’” Il-President Nelson qal, “Minn dak inhar ’il quddiem aħna qatt aktar ma nnammrajna ma’ ħadd iżjed.”

Il-mużika saret il-qofol tal-ħajja tagħhom flimkien. Il-familja Nelson qatt ma kienu jgħaddu ħin f’darhom mingħajr mużika wara li xtraw pjanu użaw għal anqas minn 100 dollaru ftit wara li żżewġu. Tul iż-żmien tiegħu bħala tabib, il-President Nelson kien iqum kmieni filgħodu biex idoqq il-pjanu u jistudja l-iskrittura. It-tnejn flimkien, huwa qal, kienu jistiednu influwenza spiritwali ġewwa darhom.

Bħal bosta koppji żgħażagħ miżżewġa, il-koppja Nelson bdew jaħdmu flimkien biex ilaħħqu mal-ħajja, u ma kienx dejjem faċli. Il-President Nelson jiftakar li lejla minnhom kien miexi ma’ martu fit-toroq ta’ Boston, fi żmien meta kellhom erbat itfal, meta hija għafset imneħirha mal-ħġieġa tat-tieqa ta’ ħanut tal-għamara u staqsiet, “Qalbi, taħseb li xi darba se nkunu naffordjaw nixtru lampa?”    Kien f’dawn iż-żminijiet, qal il-President Nelson, li feġġet f’moħħhom l-iskrittura li nsibu f’Mattew 6:33, li tgħid, “Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”

“Dejjem ħarist lejhom bħala tìm mill-aktar tajjeb,” qalet Gloria Nelson Irion, it-tielet mill-10 itfal tagħhom, li jinkludu disat ibniet u tifel. “Huma kienu jieħdu ħsieb xulxin u kienu jħossuhom siguri fl-imħabba tagħhom lejn xulxin. Meta missieri kien jasal id-dar mix-xogħol, jew kien jidħol fid-dar, l-ewwel ħaġa li kien jagħmel kienet li jmur ifittex lil ommi u jilqagħha b’tgħannieqa u bewsa. … Hu wriena li l-aqwa ħaġa li raġel jista’ jagħmel għal uliedu hi li jħobb lil ommhom.”

image
Il-familja Nelson fl-1982. 2020 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

Dantzel kienet il-qalb tad-dar tal-familja Nelson.  Il-President Nelson qal, “Hija tatni s-sħubija, 10 itfal meraviljużi u dawk l-affarijiet intanġibbli kollha li mara tagħti lil żewġha biex tgħinu jagħmel li jista’ biex iwettaq li għandu jwettaq u jkun altruwista.”

Mill-kbira saż-żgħir, ulied il-koppja Nelson huma (bl-ismijiet tal-konjuġi tagħhom fil-parentesi) Marsha N. Workman (Richard Workman), Wendy N. Maxfield (mietet fl-2019, miżżewġa lil Norman A. Maxfield), Gloria N. Irion (Richard A. Irion), Brenda N. Miles (Richard L. Miles), Sylvia N. Webster (David R. Webster), Emily N. Wittwer (mietet fl-1995, miżżewġa lil Bradley E. Wittwer), Laurie N. Marsh (Richard M. Marsh), Rosalie N. Ringwood (Michael T. Ringwood), Marjorie N. Lowder (Bradley J. Lowder) u Russell M. Nelson Jr. (Britney).

Min-naħa tiegħu, il-President Nelson qatta’ bosta ħin ma’ wliedu f’nofs skeda mill-aktar mimlija, bil-ħajja medika u l-Knisja.  Huwa vvjaġġa b’mod estensiv u spiss kien jieħu miegħu xi membru tal-familja. Huwa kien iħares lejn dawn il-mumenti ma’ wliedu bħala investiment għaqli. “Dawk il-vjaġġi tawni ċans li nisma’ l-problemi u l-ambizzjonijiet tagħhom u biex aħna sempliċiment nitkellmu bejnietna u naqsmu l-ideat u l-esperjenzi bejnietna,” huwa qal. Attivitajiet bħall-qari tal-iskrittura, it-talb tal-familja darbtejn kuljum u l-lejliet id-dar mal-familja wkoll għenu biex il-familja tibqa’ magħquda.

“Hekk kif il-familja bdiet tikber, huwa ra li dejjem ikun preżenti f’kull mument importanti. Huwa kien jattendi għal kull barka ta’ t-tfal kollha, magħmudijiet, ordinazzjoni għas-saċerdozju, tlugħ għall-missjoni u żwiġijiet,” qalet Irion.

Iżżewweġ lil Wendy L. Watson

Il-President Nelson kien jemmen b’qawwa li s-sigriet għal ħajja kuntenta mhuwiex dak li għandek iżda l-għarfien li għandek ta’ Alla. Il-bnedmin “jeħtieġ li jkunu jafu li Alla jgħix. Jeħtieġ li jkunu jafu li Hu għandu pjan għalihom. Jekk huma jimxu wara dak il-pjan, huma jsibu l-hena, minkejja li d-diffikultajiet tal-ħajja jġibulna n-niket, l-isfidi, u xi kultant l-uġigħ u d-diqa,” huwa qal.  “Jekk huma jkollhom dik il-fidi fih u jallenjaw ruħhom miegħu, huma jkollhom il-qawwa li jikkumbattu l-isfidi li ġġib magħha l-ħajja. F’dan il-proċess huma jsibu hena mill-aktar kbira.”

Il-qawwa spiritwali tiegħu ġiet ippruvata meta l-maħbuba tiegħu Dantzel ħalliet din il-ħajja b’mod mhux mistenni fi Frar 2005. Iżda minkejja kollox, il-mewt tagħha saħħitlu l-fidi tiegħu u l-impenn tiegħu lejn il-familja.

Waqr il-konferenza ġenerali ta’ April 2006, il-President Nelson tkellem dwar il-ħtieġa li jissaħħu ż-żwiġijiet.

“Iż-żwieġ iwassal għal possibiltajiet akbar ta’ ferħ minn kull relazzjoni oħra umana,” huwa qal. “Madankollu xi koppji miżżewġin ma jilħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom. Huma jħallu r-romantiċiżmu tagħhom jissaddad, ma japprezzawx biżżejjed lil xulxin, jippermettu li ċerti interessi oħra jew ċertu sħab ta’ negliġenza jċajpru l-viżjoni ta’ jista’ jkun tassew iż-żwieġ tagħhom.  Iż-żwiġijiet jistgħu jkunu aktar feliċi jekk nieħdu ħsiebhom bir-reqqa.”

Ftit wara l-konferenza, il-President Nelson iżżewweġ lil Wendy L. Watson. Qabel iż-żwieġ tagħhom, Sister Nelson, li twieldet il-Kanada, kienet professur tat-terapija taż-żwieġ u l-familja għal 25 sena—fejn għaddiet l-aħħar 13-il sena fl-Università ta’ Brigham Young.

image
Il-President Russell M. Nelson u martu, Wendy, f’Singapore, l-Erbgħa, 20 ta’ Novembru, 2019. 2019 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

Sister Nelson tkellmet dwar it-taqbida spiritwali tas-sawm u t-talb li hija esperjenzat qabel għażlet li tiżviluppa relazzjoni ma’ dak li kien il-Presbiteru Nelson. Hi qalet li tidħol f’familja kbira u li tieqaf mill-karriera tagħha, fost ħwejjeġ oħra, dehret li kienet sfida tremenda.

“Aħna naħsbu, ‘O, hija r-rieda tal-Mulej. Jiġifieri li kollox se jkun faċli u sabiħ u meraviljuż.’ Iżda minflok, kien mill-aktar diffiċli,” qalet Sister Nelson waqr vjaġġ tal-ministeru fil-Paċifiku flimkien mal-profeta f’Mejju 2019. “Aħna kellna aspettattivi differenti. Huwa kien għadu bla dubju jibki t-telfa ta’ Dantzel. … Kienet bidla kbira.”

“Aħna nħobbuha tassew,” qalet Irion. “Hija bdiet tieħu ħsiebu, hija kienet ta’ barka għal missieri kif ukoll għall-familja tagħna.”

“Ikolli ngħid li wliedu huma nies meraviljużi,” kompliet Sister Nelson. “Jiena ridt inkun ħabiba tagħhom, u huma żgur li kienu ħbieb tiegħi. Ma setgħux jilqgħuni aħjar. In-neputijiet huma mill-aqwa. U issa l-proneputijiet huma mill-aktar meraviljużi.”

Waqt żjara tal-ministeru fl-Awstralja fl-2019, il-President Nelson iddeskriva lil Wendy b’dan il-mod: “Hija tabib. Hija ġerontologista. Hija terapista taż-żwieġ u l-familja. U hija tassew mara li tieħu gost magħha.”

Profeta Poliglotta għall-Ġnus

Waqt iż-żjarat tiegħu tal-ministeru lejn bosta pajjiżi fl-Amerika Latina fil-ħarifa tal-2019, il-profeta ta parti sew mid-diskors tiegħu bl-Ispanjol, u dan kien ġab ferħ fost il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien lokali. Fil-Peru, per eżempju, huwa wassal ir-rimarki tal-ftuħ bl-Ingliż. Imbagħad huwa qaleb, wara li qal, “Bil-permess tagħkom, nixtieq nindirizzakom bl-Ispanjol.” L-arena kollha nfexxet iċċapċap.

image
Il-President Russell M. Nelson, martu, Wendy, u l-Presbiteru Gary E. Stevenson tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, jiltaqgħu mal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fil-Peru għal devozzjonali filgħaxija, nhar l-20 ta’ Ottubru, 2018. 2018 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

“Darba kont miegħu, u huwa beda jitkellem bir-Russu bħala parti mill-komunikazzjoni tiegħu ma’ persuna li titkellem bir-Russu,” qal il-President Oaks. “Naf li kien tgħallem biżżejjed Ċiniż biex jipparteċipa f’operazzjoni tal-qalb fiċ-Ċina, fejn beda jagħti l-istruzzjonijiet biċ-Ċiniż, fil-kamra tal-operazzjonijiet.”

Fil-fatt, bintu qalet li missierha kien jitkellem bi 11-il lingwa.

“Naħseb li kien iħobb jiltaqa’ ma’ nies minn madwar id-dinja,” qalet irion. “ Huwa kien iħobb jarahom iħaddnu l-evanġelju, isiru Qaddisin u jara l-bidla fihom min-niket għat-tama u mid-dlam għad-dawl.”

Huwa kien ukoll strumentali biex il-Knisja ġiet rikonoxxuta f’bosta pajjiżi komunisti. “Huwa ra b’għajnejh mirakli jseħħu hemmhekk,” qalet bintu. “Huwa għamel l-almu tiegħu, u mbagħad ħalla l-kumplament f’idejn il-Mulej. Beda jinfetaħ bieb wara l-ieħor li qatt ma ħaseb li kien possibbli.

Wara li sar il-mexxej tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien f’Jannar 2018, il-President Nelson ltaqa’ ma’ għadd kbir ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien u mexxejja tal-gvern u reliġjużi kważi f’kull kontinent. Huwa vvjaġġa lejn 32 pajjiż u territorju Amerikan.

Huwa għadda wkoll ħin sinifikanti jibni l-pontijiet mal-mexxejja ta’ reliġjonijiet u gruppi u ġnus oħra. Notevoli kienu l-laqgħa li kellu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan f’Marzu 2019 u r-relazzjoni tiegħu mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Avvanz tan-Nies ta’ Kulur (NAACP), organizzazzjoni tad-drittijiet ċivili fl-Istati Uniti. 

image
Il-Papa Franġisku jilqa’ lill-President Russell M. Nelson fil-vatikan, nhar is-Sibt, 9 ta’ Marzu, 2019. Ritratt korteżija tal-Vatikan.

“Aħna kellna l-aktar esperjenza kordjali u li ma tintesiex,” qal il-President Nelson dwar il-laqgħa tiegħu mal-papa. “Il-Qdusija tiegħu kien mill-aktar grazzjuż, li laqagħna b’imħabba. X’raġel simpatiku u meraviljuż, u kemm huma ffortunati n-nies Kattoliċi li għandhom mexxej daqstant grazzjuż, li jaf iħobb, u mill-aktar kapaċi.”

Fl-Mejju 2018, il-profeta ngħaqad mal-mexxejja tan-NAACP f’sejħa għal aktar ċivilità u armonija razzjali. Mbagħad, f’Lulju 2019, il-mexxejja tan-NAACP stiednu lill-President Nelson biex jitkellem waqt il-konvenzjoni annwali tal-organizzazzjoni f’Detroit. “Aħna m’għandniex inkunu nixxiebħu jew l-istess f’kollox biex inħobbu lil xulxin.   Lanqas hemm għalfejn li naqblu bejnietna biex inħobbu lil xulxin,” qal il-President Nelson.  Huwa reġa’ ngħaqad mal-mexxejja tal-NAACP f’Ġunju 2021 biex iħabbar inizjattivi edukattivi u umanitarji relatati mal-kollaborazzjoni kontinwa tagħhom.

Il-profeta ltaqa’ ma’ mexxejja minn bosta ġnus waqt il-vjaġġi tiegħu f’bosta pajjiżi. Dawn kienu jinkludu uffiċjali tal-gvern minn Kambodja, Kolombja, Indonesja, New Zealand, Peru, Samoa, Tonga, Vjetnam u oħrajn. Huwa laqa’ wkoll bosta mexxejja fil-Pjazza tat-Tempju, fosthom delegazzjoni mill-Vjetnam, l-ambaxxatur ta’ Kuba, u l-mexxej tal-Lega Għarbija Dinjija.

Il-profeta saħħaħ dan l-isforz biex jinbdew il-pontijiet billi talab bil-ħerqa lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien biex ikunu nies li nġibu l-paċi li “jibnu, jelevaw, iħeġġu, jipperswadu, u jispiraw—tkun kemm tkun diffiċli s-sitwazzjoni.”

“Ħuti, aħna nistgħu letteralment nibdlu d-dinja—persuna waħda u interazzjoni waħda wara l-oħra. Kif? Billi nuru kif nimmaniġjaw id-differenzi onesti ta’ opinjoni permezz ta’ rispett reċiproku  u djalogu dinjituż,” qal il-President Nelson. “Jekk intom tridu verament tgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael u tibnu relazzjonijiet li jibqgħu tul l-eternitajiet, issa huwa ż-żmien li tpoġġu fil-ġenb kull imrar. Issa huwa ż-żmien li fih tieqfu tinsistu li jew li tridu intom jew xejn. Issa huwa ż-żmien li tieqfu tagħmlu affarijiet li jwasslu biex ħaddieħor jimtela’ bil-biża’ li jaf jagħmel xi ħaġa u joffendikom. Issa huwa ż-żmien li tidfnu l-armi tagħkom tal-gwerra. Jekk kliemkom mimli insulti u akkużi, issa huwa ż-żmien li tieqfu minn dan. Intom ssiru rġiel u nisa ta’ Kristu b’saħħitkom spiritwalment.”

Meta kien qed jivvjaġġa flimkien mal-President Nelson fl-2018 (vjaġġ li kien jinkludi waqfa f’Ġerusalemm, il-belt tal-paċi), dak li kien il-Presbiteru Jeffrey R. Holland tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu nnota l-viżjoni globali tal-President Nelson.

“Huwa l-profeta għad-dinja, u huwa għandu din il-perspettiva,” qal il-Presbiteru Holland. “Huwa għandu dik il-veġġenza profetika. Aħna nsostnuh bħala veġġent u rivelatur, u hu jinsab iħares lejn id-dinja kollha.”

image
Il-President Nelson jilqa’ lir-Reverendu Dott. Amos C. Brown qabel konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-tmexxija tan-NAACP fil-Bini tal-Amministrazzjoni tal-Knisja fil-Pjazza tat-Tempju ġol-Belt ta’ Salt Lake, nhar l-14 ta’ Ġunju, 2021. 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati.

Raġel li Bidel il-Knisja

Bosta tibdil sinifikanti ġie introdott mill-President Nelson. Kif ssemma’ qabel, kull waħda minnhom ġiet imfassla biex tpoġġi l-attenzjoni ewlenija fuq Ġesù Kristu.

Taħt it-tmexxija tiegħu l-profeta bidel il-mod kif il-Qaddisin madwar id-dinja jimministraw lil xulxin. Huwa ripetutament għamel enfażi fuq l-importanza tal-isem korrett tal-Knisja. Huwa għamel aktar enfażi li t-tagħlim tal-evanġelju jkun iċċentrat f’kull dar u ssapportjat mill-Knisja. Huwa mmodifika polisi fejn ippermetta lit-tfal ta’ ġenituri LGBT jiġu mgħammdin.  Huwa għamel tibdil fil-mistoqsijiet tal-intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju biex jgħin lill-membri tal-Knisja jifhmu ferm aktar l-għan tal-qima tat-tempju. Huwa introduċa programm ġdid globali għaż-żgħażagħ għat-tfal u l-adoloxxenti tal-Knisja. Huwa ħabbar polisi ġdida għax-xhieda għall-magħmudijiet ħajjin, magħmudijiet bi prokura u siġilli ħajjin u bi prokura.  Huwa awtorizza polisi globali għal koppji miżżewġin biċ-ċivil biex jiżżewġu immedjatament f’wieħed mit-tempji tal-knisja. Huwa organizza mill-ġdid u kkonsolida l-kworums u l-organizzazzjonijiet tas-saċerdozju għall-adulti u t-tfal. Huwa introduċa bosta tibdil fil-polisis u l-proċeduri missjunarji. Huwa bidel is-simbolu tal-Knisja biex jinkludi ritratt tal-Mulej Ġesù Kristu, ħaj u mqajjem mill-imwiet. U huwa qara proklamazzjoni ġdida lid-dinja dwar ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.


“President Nelson, jiena ma nafx kemm il-“fawra” aktar aħna kapaċi  nimmaniġġjaw f’dan it-tmiem il-ġimgħa. Uħud minna għandna qalbna dgħajfa. Iżda toqgħod tgħid, inti fil-verità anke qalbna tista’ toħdilna ħsieb. O x’profeta dan!”

—Il-Presbiteru Holland, April 2018

“Biex nipparafraża lil Ralph Waldo Emerson, l-aktar mumenti memorabbli fil-ħajja huma dawk li fihom aħna nħossu l-fawra tar-rivelazzjoni,” qal dak li kien il-Presbiteru Jeffrey R. Holland qrib l-għeluq tal-konferenza ġenerali ta’ April 2018, li fiha l-profeta introduċa bosta tibdil notevoli. “President Nelson, jiena ma nafx kemm il-“fawra” aktar aħna kapaċi  nimmaniġġjaw f’dan it-tmiem il-ġimgħa. Uħud minna għandna qalbna dgħajfa. Iżda toqgħod tgħid, inti fil-verità anke qalbna tista’ toħdilna ħsieb. O x’profeta dan!”

Dan it-tibdil kollu seħħ hekk kif il-President Nelson ħeġġeġ lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien biex jirċievu l-gwida personali mingħand Alla l-istess kif Huwa rċieva r-rivelazzjoni għall-Knisja. Hu u mexxejja oħra ripetutament qalu li dan it-tibdil huwa parti mir-Restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Għalliem Prim li Mess il-Qlub

Il-President Oaks irrefera għall-President Nelson bħala għalliem prim. “Jiena smajt kirurgi li huwa ħarreġ jikkummentaw dwar kemm kien effettiv meta ġie biex jgħallimhom biex ikunu kirurgi,” qal il-President Oaks. “U jien rajtu bħala għalliem prim jgħallem lill-qaddejja tal-Mulej bl-istess mod.”

Bħala “tabib għażiż” il-President Nelson letteralment mess il-qlub ta’ mijiet ta’ pazjenti li kienu qed ibatu minn mard fiżiku. Bħala dixxiplu ta’ Kristu, huwa fejjaq il-qlub permezz tal-kelma u l-għemil.