Aħna ninsabu ngħixu fiż-żminijiet perikolużi li dwarhom kien bassar l-Appostlu Pawlu (ara 2 Timotju 3:1). Dawk li jippruvaw jimxu fit-trejqa stretta u dejqa jibdew isibu ċerti devjazzjonijiet kull naħa. Aħna nistgħu nsiru aljenati, degradati, b'qalbna maqtugħa, jew imdejqa. Kif jista’ jkollna l-Ispirtu tal-Mulej biex jiggwida l-għażliet tagħna u jżommna fit-triq?
Fir-rivelazzjoni moderna l-Mulej iwieġeb din il-mistoqsija f’dan il-kmandament:
“Biex intom tkunu tistgħu żżommu aħjar lilkom infuskom ħielsa mit-tbajja’ tad-dinja, intom għandkom tmorru fid-dar tat-talb u hemm toffru s-sagramenti tagħkom fil-jum imqaddes tiegħi;
“Għax tassew li dan il-jum ġie mogħti lilkom biex fih intom tistrieħu minn ħidmietkom, u toffru d-devozzjoni tagħkom lill-Mulej l-Għoli” (D&P 59:9–10).
Dan hu kmandament b’wegħda. Billi nipparteċipaw b’mod xieraq fl-ordinanza tas-sagrament kull ġimgħa aħna nikkwalifikaw għall-wegħda li “dejjem ikollna l-Ispirtu tiegħu jkun [magħna]” (D&C 20:77). L-Ispirtu huwa s-sisien tal-testimonjanza tagħna. Hu jixhed dwar il-Missier u l-Iben, ifakkarna kollox, u jwassalna lejn il-verità. Huwa l-boxxla li tiggwidana fit-triq tagħna. Il-President Wilford Woodruff għallem li d-don tal-Ispirtu s-Santu 'huwa l-akbar rigal li jista’ jingħata lill-bniedem” (Deseret Weekly, 6 ta’ April, 1889, 451).
I.
L-ordinanza tas-sagrament tagħmel il-laqgħa tas-sagrament l-aktar laqgħa sagra u importanti fil-Knisja. Hija l-unika laqgħa f’Jum il-Mulej li l-familja kollha tista’ tattendi flimkien. Is-servizz tal-laqgħa, flimkien mas-sagrament, għandu dejjem ikun ippjanat biex jgħinna niffukaw fuq -Espjazzjoni u t-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu.
L-ewwel memorji tiegħi tal-laqgħa tas-sagrament imorru lura fir-raħal ċkejken ġewwa Utah fejn ġejt ordnat djaknu u ħadt sehem fit-tqassim tas-sagrament. Meta naħseb dwar dawk il-memorji, il-laqgħat tas-sagrament li nattendi illum il-ġurnata f’ħafna oqsma differenti huma ferm aħjar. Tipikament is-sagrament jiġi amministrat, imqassam, u riċevut mill-membri f’atmosfera kwieta ta’ qima. It-tmexxija tal-laqgħa, inkluż dak li għandu jingħad mil-veskovat, hija qasira u dinjituża, u d-diskorsi mogħtija huma spiritwali kemm fil-messaġġ kif ukoll il-preżentazzjoni. Il-mużika hija xierqa, u l-istess it-talb. Dan huwa l-istandard, u jirrappreżenta progress kbir mill-esperjenzi ta’ żgħożiti.
Hemm eċċezzjonijiet okkażjonali. Inħoss li xi wħud mill-ġenerazzjoni li tielgħa u xi ftit adulti għadhom ma jifhmux is-sinifikat ta’ din il-laqgħa u l-importanza ta’ riverenza u qima individwali fiha. Il-ħwejjeġ li nħossni impressjonat li ngħallem hawn huma indirizzati lil dawk li għadhom mhux qed jifhmu u jipprattikaw dawn il-prinċipji importanti u għadhom mhux qed igawdu l-barkiet spiritwali mwiegħda li dejjem ikollhom l-Ispirtu ta’ gwida tiegħu jkun magħhom.
II.
Nibda b’kif il-membri tal-Knisja għandhom iħejju lilhom infushom biex jipparteċipaw fl-ordinanza tas-sagrament. Waqt laqgħa dinjija ta’ taħriġ għat-tmexxija ħames snin ilu, il-Presbiteru Russell M. Nelson tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallem lill-mexxejja tas-saċerdozju tal-Knisja kif għandhom jippjanaw u jmexxu l-laqgħat tas-sagrament. “Aħna nikkommemoraw l-Espjazzjoni tiegħu b’mod mill-aktar personali,” qal il-Presbiteru Nelson. “Fil-laqgħa tas-sagrament tagħna aħna nieħdu sehem b’qalb maqsuma u spirtu niedem. Hija l-qofol tal-qima tagħna ta’ Jum il-Mulej” (“Worshiping at Sacrament Meeting,” Liahona, Aww. 2004, 12; Ensign, Aww. 2004, 26).
Aħna noqogħdu bilqiegħda sew qabel ma tibda l-laqgħa. “Matul dak l-intervall, il-mużika tal-ftuħ tindaqq b’mod li jaqbel mal-kwiet tal-mument. Dan mhuwiex ħin biex noqogħdu niddiskutu jew nibagħtu l-messaġġi bil-mowbajl lil xulxin, huwa mument li fih, bl-għajnuna tat-talb, aħna nimmeditaw hekk kif il-mexxejja u l-membri jitħejjew spiritwalment għas-sagrament” (Liahona, Aww. 2004, 13; Ensign, Aww. 2004, 27).
Meta s-Salvatur deher lin-Nefiti wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, Hu għallimhom li għandhom iwaqqfu d-drawwa tas-sagrifiċċju permezz tat-tixrid tad-demm. Minflok, “bħala sagrifiċċju għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu niedem.” (3 Nefi 9:20). Dak il-kmandament, imsemmi ripetutament fir-rivelazzjoni moderna li jidderieġina biex nieħdu sehem fis-sagrament kull ġimgħa, jgħidilna kif għandna nippreparaw. Kif għallem il-Presbiteru Nelson, “Kull membru tal-Knisja huwa responsabbli għall-barkiet spiritwali li jista’ jikseb minn laqgħa tas-sagrament” (Liahona, Aww. 2004, 14; Ensign, Aww. 2004, 28).
Fil-kitbiet tiegħu dwar id-duttrini tas-salvazzjoni, il-President Joseph Fielding Smith jgħallem li, liaħna nieħdu sehem fis-sagrament hija l-parti tagħna fil-kommemorazzjoni tal-mewt u t-tbatijiet tas-Salvatur għall-fidwa tad-dinja. Din l-ordinanza ġiet introdotta ħalli nkunu nistgħu nġeddu l-patti tagħna li nservuh, nobduh, u niftakru dejjem fih. Il-President Smith kompla: “Aħna ma jistax ikollna dejjem magħna l-Ispirtu tal-Mulej jekk ma nħarsux b’mod konsistenti l-kmandament” (Doctrines of Salvation, comp. Bruce R. McConkie, 3 vols. [1954–56], 2:341).
III.
Il-mod ta' kif nilbsu huwa indikatur importanti tal-attitudni u t-tħejjija tagħna għal kwalunkwe attività li se nieħdu sehem fiha. Meta aħna nkunu sejrin ngħumu jew nimxu qalb in-natura jew nilagħbu ħdejn il-baħar, l-ilbies tagħna, kif ukoll iż-żraben f'riġlejna, jindikaw dan. L-istess għandu jgħodd għal kif nilbsu meta nipparteċipaw fl-ordinanza tas-sagrament. Bħalma kif nagħmlu meta mmorru t-tempju. It-tip ta’ lbies tagħna jindika kemm aħna nifhmu u nonoraw l-ordinanza li se nipparteċipaw fiha.
Waqt il-laqgħa tas-sagrament—u speċjalment waqt is-servizz tas-sagrament—għandna nikkonċentraw fuq il-qima u nżommu lura minn kull attività oħra, speċjalment minn mġiba li tista’ tinterferixxi mal-qima ta’ ħaddieħor. Anke persuna li tmur għajnejh bih ma jfixkilx lil ħaddieħor. Il-laqgħa tas-sagrament mhuwiex ħin il-qari tal-kotba jew ir-rivisti. Għeżież żgħażagħ, dan mhuwiex ħin biex noqogħdu niddiskutu minn taħt l-ilsien fuq il-mowbajls jew biex nibgħatu messaġġi lil dawk li huma f’postijiet oħra. Meta aħna nieħdu sehem fis-sagrament, nagħmlu patt sagru li aħna dejjem sejrin niftakru fis-Salvatur. Kemm hija ħaġa ta’ niket meta tara nies li ovvjament qed jiksru dak il-patt fl-istess laqgħa fejn qed jagħmlu l-patt.
Il-mużika tal-laqgħa tas-sagrament hija importanti ħafna fil-qima tagħna. L-iskrittura tgħallem li l-għanja tal-ġusti hi talba lill-Mulej (ara D&P 25:12). 'L-Ewwel Presidenza għallmet, “Uħud mill-akbar priedki jiġu ppridkati meta nkantaw l-innijiet” (Hymns, ix). Kemm hi ħaġa sabiħa meta kull persuna li tattendi tingħaqad fil-qima tal-kant—speċjalment fl-innu li jgħinna nippreparaw biex nieħu sehem fis-sagrament. Il-mużika kollha tal-laqgħa tas-sagrament jeħtieġ li tkun ippjanata bir-reqqa, billi dejjem niftakru li din il-mużika hija għall-qima, mhux għal skopijiet ta’ prestazzjoni.
Il-President Joseph Fielding Smith għallem: “Din hija okkażjoni meta l-evanġelju għandu jiġi ppreżentat, meta għandna niġu msejħin biex neżerċitaw il-fidi, u biex nirriflettu fuq il-missjoni tal-Feddej tagħna, u biex inqattgħu ħin fil-konsiderazzjoni tal-prinċipji tas-salvazzjoni tal-evanġelju, u mhux għal skopijiet oħra. Il-laqgħat tas-sagrament tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien mhumiex post ta’ divertiment, daħk, u frivolità. Jeħtieġ ninġabru fi spirtu ta’ talb, tal-ħlewwa, b’devozzjoni ġewwa qalbna” (Doctrines of Salvation, 2:342).
Meta nagħmlu dan—meta ningħaqdu fis-solennità li għandha dejjem takkumpanja l-ordinanza tas-sagrament u l-qima ta’ din il-laqgħa—aħna kkwalifikati għas-sħubija u r-rivelazzjoni tal-Ispirtu. Dan huwa l-mod kif niksbu direzzjoni għal ħajjitna u l-paċi tul it-triq.
IV.
Il-Mulej mqajjem mill-imwiet enfasizza l-importanza tas-sagrament meta żar il-kontinent Amerikan u waqqaf din l-ordinanza fost in-Nefiti fidili. Hu bierek l-emblemi tas-sagrament u tahom lid-dixxipli tiegħu u l-miġemgħa (ara 3 Nefi 18:1–10), u ordna:
“U intom għandkom dejjem tagħmlu dan għal dawk kollha li jindmu u jitgħammdu f’ismi; u dan għandkom tagħmluh b’tifkira ta’ demmi, li jien xerridt għalikom, ħalli tkunu tistgħu tixhdu mal-Missier li intom dejjem lesti tiftakru fija. U jekk intom dejjem tiftakru fija intom ikollkom l-Ispirtu tiegħi magħkom.
“… U jekk intom tagħmlu dejjem dawn il-ħwejjeġ, henjin intom, għaliex intom mibnija fuq il-blata tiegħi.
“Iżda dawk fostkom li jagħmlu aktar jew anqas minn dan mhumiex mibnija fuq il-blata tiegħi, iżda huma mibnija fuq pedament tar-ramel; u meta tinżel ix-xita, u jiġu l-għargħar, u jonfħu l-irwiefen, u jaħkmuhom, huma jċedu” (3 Nefi 18:11–13).
Is-sagrament huwa l-ordinanza li ħadet post is-sagrifiċċji tad-demm u s-sagrifiċċji tal-ħruq tal-liġi ta’ Mosè, u magħha ġiet il-wegħda tas-Salvatur: “U min jiġi għandi b’qalb maqsuma u spirtu niedem, lilu jiena ngħammed bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu” (3 Nefi 9:20).
V.
Issa se nitkellem partikolarment lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju li juffiċjalizzaw fl-ordinanza tas-sagrament. Din l-ordinanza għandha dejjem titwettaq b’qima u dinjità. Il-qassisin li joffru t-talb f’isem il-kongregazzjoni għandhom ilissnu l-kliem bilmod u b’ċarezza, u jesprimu t-termini tal-patti u l-barkiet imwiegħda. Dan huwa att mill-aktar sagru.
L-għalliema li jippreparaw u d-djakni li jqassmu l-emblemi tas-sagrament ukoll iwettqu att mill-aktar sagru. Kemm jogħġobni r-rakkont ta’ Thomas S. Monson dwar kif, bħala djaknu ta’ 12-il sena, intalab mill-isqof biex jieħu s-sagrament għand wieħed mill-aħwa li kien marid fis-sodda u li kien imxennaq għal din il-barka. “Il-gratitudni tiegħu ħakmitni kompletament,” qal il-President Monson. “L-Ispirtu tal-Mulej ġie fuqi. Intasabt wieqaf fuq art sagra” (Inspiring Experiences That Build Faith [1994], 188). Dawk kollha li juffiċjalizzaw f’din l-ordinanza sagra jinsabu weqfin fuq art sagra.
Il-ġuvintur li juffiċjalizzaw fl-ordinanza tas-sagrament għandhom ikunu denji Il-Mulej qal: “Tnaddfu, intom li ġġorru tagħmir il-Mulej” (D&P 38:42). It-twissija skritturali li tħeġġiġna biex ma neħdux sehem fis-sagrament sakemm ma ssirx b’mod denju (ara 1 Korintin 11:29; 3 Nefi 18:29) tapplika wkoll għal dawk li juffiċjalizzaw f’dik l-ordinanza. Fl-amministrazzjoni tad-dixxiplina lill-membri tal-Knisja li jkunu wettqu dnubiet serji, isqof jista’ temporanjament jirtira l-privileġġ ta’ dak il-membru li jieħu sehem mis-sagrament. Dik l-istess awtorità żgur li hija disponibbli biex tirtira l-privileġġ li tuffiċjalizza f’dik l-ordinanza sagra.
Kif diġà kont semmejt qabel, l-importanza ta’ ilbies xieraq għal dawk li jirċievu l-ordinanza tas-sagrament tapplika jekk mhux aktar għal ġuvintur tas-Saċerdozju ta' Aron b’enfasi ikbar meta dawn juffiċjalizzaw f’xi parti ta’ dik l-ordinanza sagra. Kollha għandhom ikunu jidhru preżentabbli u modesti f’ilbieshom. M’għandu jkun hemm xejn dwar id-dehra jew l-imġiba tagħhom li jiġbed l-attenzjoni speċjali għalihom infushom jew ifixkel lil xi ħadd li huwa mill-aktar iffokat fuq il-qima u t-teħid tal-patt li huma l-iskop ta’ dan is-servizz sagru.
Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland ta tagħlim siewi dwar dan is-suġġett f’konferenza ġenerali 13-il sena ilu. Peress li l-maġġoranza tad-djakni tagħna llum twieldu wara li dan il-kliem ġie mitkellem hawn l-aħħar, nerġa’ nirrepetihom għall-ġid tagħhom, u tal-ġenituri u l-għalliema tagħhom: “Ippermettuli nissuġġerixxi li kull fejn ikun possibbli jintlibes qmis bajda mid-djakni, l-għalliema u l-qassisin li jieħdu ħsieb is-sagrament. “Għal ordinanzi sagri fil-Knisja, ħafna drabi aħna nilbsu lbies ċerimonjali. Qmis bajda tista’ titqies bħala tfakkira ġentili tal-libsa bajda li int ilbist fil-fonti tal-magħmudija u bħala antiċipazzjoni tal-qmis bajda li dalwaqt se tilbes fit-tempju u fil-missjonijiet tiegħek” (“This Do in Remembrance of Me,” Ensign, Nov. 1995, 68).
Finalment, is-sagrament jiġi amministrat biss meta awtorizzat minn dak li jħaddan l-imfietaħ ta’ din l-ordinanza tas-saċerdozju. Huwa għal dan ir-raġuni s-sagrament ġeneralment ma jingħatax fid-dar jew waqt ġabra tal-familja, anki jekk hemm biżżejjed rġiel li jħaddnu s-saċerdozju disponibbli. Dawk li jħejju l-mejda s-sagrament, kif ukoll iqassmuh lill-kongregazzjoni, għandhom jiġu magħżulin minn wieħed li jħaddan jew jeżerċita l-imfietaħ ta’ din l-ordinanza. Qed nirreferi għall-veskovat jew għall-presidenzi tal-kworums tal-għalliema jew tad-djakni. “Id-dar [tiegħi] hija dar ta’ ordni,” iddikjara l-Mulej (D&P 132:8)
Kif jista’ jkollna l-Ispirtu tal-Mulej biex jiggwida l-għażliet tagħna sabiex nibqgħu “’l bogħod mit-tniġġis tad-dinja” (D&P 59:9) u fit-triq li żżommna 'l bogħod mill-periklu hekk kif nivvjaġġaw f’din il-ħajja mortali? L-ewwel jeħtieġ li nikkwalifikaw għall-qawwa li ssaffina tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Aħna nagħmlu dan billi nżommu l-kmandamenti tiegħu biex jersaq lejh b’qalb maqsuma u spirtu niedem u f’dik il-laqgħa mill-isbaħ ta’ kull ġimgħa nieħdu sehem mill-emblemi tas-sagrament u nagħmlu l-patti li jikkwalifikawna għall-wegħda prezzjuża li aħna dejjem ikollna l-Ispirtu tiegħu magħna (ara D&P 20:77). Li aħna dejjem nagħmlu hekk hija t-talba umli tiegħi, li noffri f’isem dak li permezz tal-Espjazzjoni tiegħu jagħmel dan kollu possibbli, l-istess Ġesù Kristu, ammen.