
Ġieli staqsejtu lilkom infuskom għalfejn nippermettu lit-tfal li għadhom ma tgħammdux jieħdu sehem fis-sagrament? Jista’ jkun li dan hu hekk biex jiġu evitati l-mumenti inevitabbli ta’ biki u protesta għal biċċa ħobż? Jew forsi biex l-ordinanza tas-sagrament tkun aktar faċli meta tiġi amministrata ħalli tinżamm il-paċi?
L-ebda waħda minnhom ma naħseb hi r-raġuni vera. Jien nemmen li hemm raġunijiet aktar profondi. Nemmen li dan hu l-każ għax jien nemmen li meta Ġesù jgħid “dawk kollha,” Hu qed jirreferi għal kulħadd. U meta qed ikellem lill-miġemgħa, Hu ma jeskludi lil ħadd.
Meta s-Salvatur imqajjem mill-imwiet introduċa s-sagrament lin-nies tiegħu fil-Kontinent Amerikan, Hu enfasizza li din l-ordinanza għandha tifsira speċjali għal dawk li tgħammdu.1 Madankollu, Huwa ordna lid-dixxipli tiegħu biex “jagħtu [s-sagrament] lill-miġemgħa.”2 Dik il-miġemgħa tinkludi “liċ-ċkejknin.”3
Illum il-ġurnata, meta dawk li jħaddnu s-saċerdozju jgħidu t-talb tas-sagrament, huma jistaqsu lill-Missierna fis-Smewwiet sabiex ibierek u jqaddes il-ħobż u l-ilma “għall-erwieħ ta’ dawk kollha” li jieklu u jixorbu.4 Kollha. Kull persuna li tieħu sehem—inkluż kull tifel u tifla.
Jekk meta t-tfal jieħdu mil-ħobż u jixorbu mill-ilma, huma jkunu qed jirċievu dawn l-emblemi tas-sagrament bħala barka għall-erwieħ safja tagħhom, jeħtieġ li jkun hemm mod li jgħinhom isibu tifsira fl-ordinanza.
B’dan l-għarfien, inħares lura lejn iż-żmien meta wliedi kienu għadhom żgħar. Jien u marti għamilna xogħol tajjeb ħafna biex inżommuhom kwieti waqt l-amministrazzjoni tas-sagrament. Jien naħseb li ħassew li l-ordinanza kienet importanti għalina. Iżda aħna stajna nagħmlu aktar biex ngħinuhom jaraw li kienet importanti għalihom.
Xi stajtna nagħmlu aktar? Aħna stajna ftakarna li t-tfal iż-żgħar kapaċi jħarsu l-wegħdiet fit-talb tas-sagrament. Permezz tas-sempliċità taċ-ċkejknin, li hija qawwija fil-fehim, huma jistgħu jifhmu xi tfisser li “dejjem tiftakru” f’Ġesù. Huma jistgħu jwiegħdu li “jħarsu l-kmandamenti tiegħu.” Jistgħu wkoll juru li huma “lesti jieħdu fuqhom isem” Kristu, bl-għarfien li dalwaqt se jkollhom dak il-privileġġ meta jitgħammdu u jiġu kkonfermati.5
Iżda xi ngħidu dwar it-tiġdid tal-patti? Il-mexxejja tal-Knisja għallmu li meta nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nġeddu l-patti kollha li aħna għamilna mal-Mulej.6 It-tfal żgħar m’għandhom l-ebda patt x’iġeddu.
Erġajt sibt ruħi naħseb dwar iż-żmien meta wliedna kienu għadhom żgħar. Għalkemm huwa veru li ma stajniex ngħinuhom iħarsu lura lejn il-patti, stajna ngħinuhom iħarsu ’l quddiem. Nimmaġina lili nnifsi ma’ tifel jew tifla żgħira fl-għodwa ta’ jum il-Mulej:
“Meta jkollok tmien snin,” insib ruħi ngħid, “inti titgħammed u tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu. Inti se tagħmel patt. Il-patt li tagħmel imbagħad ikun bħall-wegħdiet li tagħmel issa meta tieħu sehem fis-sagrament.
“Illum, meta nieħu sehem fis-sagrament, inkun qed inġedded il-patt tiegħi tal-magħmudija, bħallikieku qed nerġa’ nagħmel dawk il-wegħdiet. Int tkun hemm miegħi, iżda ma ġġeddidx patt. Peress li għadek ma għamiltx wieħed. Minflok, tista’ tipprattika li tagħmel patt. Kull darba li tieħu sehem fis-sagrament, inti tista’ tipprepara biex titgħammed u tiġi kkonfermat. B’hekk tkun lest għal meta tagħlaq tmien snin.”
Jekk l-użu tal-kelma prattika tinstema’ xi ftit stramba meta użata b’dan il-mod, ikkunsidraw ftit dil-ħaġa: F’ambjent reverenti, missier jistaʼ jgħin lil uliedu jippreparaw għall-ordinanza tal-magħmudija billi jurihom kif għandhom ikunu weqfin fl-ilma flimkien u billi jaqsam magħhom il-kliem tat-talb tal-magħmudija. Hu ma jwettaqx l-ordinanza f’dak l-mument. F’ċertu sens, hu jkun qed jgħin lil uliedu jipprattikaw. B’dan il-mod, it-tfal ma jkollhomx għalfejn jinkwetaw dwar x’se jiġri meta jidħlu fl-ilmijiet tal-magħmudija. Jien nemmen li l-ommijiet u l-missirijiet jistgħu wkoll jgħinu lit-tfal jipprattikaw li jagħmlu u jħarsu l-patt tal-magħmudija. Kull laqgħa tas-sagrament tista’ tkun sessjoni ta’ prattika sagra għat-tfal żgħar hekk kif jieħdu sehem fl-emblemi tal-Espjazzjoni tas-Salvatur.
U għalhekk nirritorna għall-mistoqsija oriġinali tiegħi. Għalfejn nippermettu lit-tfal li għadhom ma tgħammdux jieħdu sehem fis-sagrament? Dan sempliċiment biex “inżommu l-paċi”? Żgur li le. Aħna ngħinu liċ-ċkejknin tagħna jieħdu sehem fis-sagrament ħalli jiftakru fis-Salvatur tagħhom u jżommu l-paċi tiegħu—paċi li hija ferm aqwa minn kull ħaġa li d-dinja tista’ toffri.7 Aħna ngħinuhom jitħejjew biex jirċievu dik il-paċi b’abbundanza dejjem akbar fil-futur, meta jagħmlu u jħarsu l-patti miegħu.
Noti f’qiegħ il-paġna
1. Ara 3 Nefi 18:5,11.
2. 3 Nefi 18:4; enfażi miżjuda.
3. Ara 3 Nefi 17:21-25; 18:1-4.
4. Duttrina u Patti 20:77, 79; enfażi miżjuda.
5. Duttrina u Patti 20:77.
6. Ara L.Tom Perry, “As Now We Take the Sacrament,” Ensign, Mejju 2006, 41.
7. Ara Ġwanni 14:27.