Meta s-Salvatur imministra lin-Nefiti wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, Huwa għażel li jinkludi lit-tfal fl-atti traxxendenti ta’ qima li seħħew. Hemm miktub li “huwa ħa lit-tfal ċkejknin tagħhom, wieħed wieħed, u berikhom u talab lill-Missier għalihom.” Waqt li beda jkellem lill-folla, Huwa qal: “Ħarsu lejn iċ-ċkejknin tagħkom.” L-adulti stagħġbu hekk kif raw l-anġli neżlin mis-sema “bħallikieku kienu mdawrin bin-nar; u huma niżlu u dawru lil dawk iċ-ċkejknin f’ċirku, u … l-anġli bdew jamministawlhom” (3 Nefi 17:21, 23, 24).
Uliedna ma kinux hemm; u lanqas ma kienu preżenti waqt il-ministeru mortali tas-Salvatur meta qal, “Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna ta’ Alla.” (Mark 10:14). Madankollu, uliedna huma wkoll prezzjużi għalih, u qalbhom tista’ tintmess mill-Ispirtu s-Santu. Opportunità fejn Hu jista’ jmiss lil uliedna hija fil-laqgħa tas-sagrament, is-servizz sagru ta’ qima li jsir f’ismu għall-membri kollha tal-Knisja.
It-Tfal Jistgħu Jqimu u Jħossu l-Ispirtu
Anke t-tfal iż-żgħar jistgħu jesperjenzaw is-sentimenti sbieħ, sagri u ħelwin mogħtija mill-Ispirtu s-Santu, u t-tfal kollha għandhom bżonn u dritt li jesperjenzaw dawn is-sentimenti. Biex it-tfal tagħna jħossu l-Ispirtu, jeħtieġ li jieħdu sehem fil-laqgħa tas-sagrament u jkunu trankwilli biżżejjed biex jagħrfu l-leħen ħelu u sieket tal-Ispirtu. Mhux dejjem faċli, iżda nistgħu ngħallmu lil uliedna biex “jisktu u jkunu jafu li Hu Alla” (Salm 46:10). Minbarra li jagħtu eżempju ta’ qima għat-tfal, il-ġenituri, qraba, għalliema, u mexxejja jistgħu jsibu l-ideat li ġejjin taʼ għajnuna biex jgħinu lit-tfal jesperjenzaw il-qima reverenti.
It-tagħlim tal-qima reverenti jibda mid-dar. Aktar ma dan it-tagħlim jibda kmieni fil-każ ta’ tfal żgħar, iktar ikun faċli. Jeħtieġ li ngħallmu lil uliedna kemm hu importanti li jħossu l-Ispirtu; x’għandhom jagħmlu biex jiksbu dawn is-sentimenti speċjali u sagri; u kif jistgħu jagħrfuhom. Nistgħu wkoll nippruvaw nipprovdulhom mumenti siekta li jwasslu għall-Ispirtu fid-dar. Barra mil-lejla d-dar mal-familja, bosta familji għandhom ukoll devozzjonali ta’ kuljum bil-qari tal-iskrittura u l-kant tal-innijiet.
Il-ġenituri jistgħu jsibu l-ħin fid-dar biex jispjegaw lit-tfal ċkejknin tagħhom għala nattendu l-laqgħa tas-sagrament. Waqt it-talba tal-familja, aħna nistgħu nitolbu lill-Mulej biex jgħin lil tfal jifhmu dak li qed nippruvaw ngħallmuhom.
Nistgħu nfakkru lil uliedna qabel il-laqgħat tal-Knisja x’se jiġri u kif aħna lkoll se nieħdu sehem: “Aħna nibdew billi nidħlu fil-kappella bil-kwiet. Inpoġġu bilqiegħda flimkien bħala familja u nisimgħu l-mużika tal-ftuħ. Meta nisimgħu l-mużika, inkunu qed inħejju għas-servizz tas-sagrament u nistgħu nħossu l-Ispirtu. Dan is-sentiment ta’ paċi u kalma huwa wieħed ferħan.”
Bl-istess mod, it-tfal jistgħu jiġu mgħallma jisimgħu bil-kwiet għal ftit minuti silta mużikali speċjali. Il-mużika hija mezz kif l-Ispirtu jista’ jinħass; għal dik ir-raġuni, it-tfal jistgħu jħossu dak l-Ispirtu anke jekk ma jifhmux il-kliem.
Ngħinu lit-Tfal Jieħdu Sehem
Tfal ta’ kull età jistgħu jieħdu pjaċir billi jieħdu sehem fl-innijiet f’diversi livelli ta’ involviment. It-tfal żgħar iħobbu jisimgħu għal frażijiet ripetuti fit-test. Ħafna mill-innijiet tagħna għandhom frażijiet jew ritornelli bħal dawn fejn aħna nistgħu ngħinu liċ-ċkejknin jisimgħu l-kliem. Jekk b’leħen sieket aħna nlissnu l-kliem li ġej f’widna tifel jew tifla, huma se jisimgħu l-kliem hekk kif jitkantaw. Per eżempju, minn taħt l-ilsien fil-bidu tar-ritornell nafu nlissnu, “Ipprova ismaʼ għal dan il-kliem ‘Ġesù juri l-wiċċ imbissem tiegħu,’” u mbagħad ara t-tbissima tinfirex fuq wiċċhom meta l-kongregazzjoni tkanta dak il-kliem.
Hekk kif it-tfal jikbru, huma jistgħu jitgħallmu jingħaqdu fil-kant ta’ dawn il-frażijiet speċjali. It-tfal iħobbu jkantaw, “O, x’ġest veru sabiħ” jew “Glorja lil Alla” jew “Il-jum sabiħ.” Gradwalment, it-tfal jistgħu jingħaqdu f’partijiet itwal, ritornelli sħaħ, u eventwalment l-innu kollu. Żġur li jgħin jekk nipprattikaw id-dar.
Dawk it-tfal li jafu jaqraw xi ftit jistgħu jitgħallmu jaqraw l-innijiet bl-istess mod gradwali, u jħossu sens ta’ sodisfazzjon fix-xogħol imwettaq. Dan jistabbilixxi mudell għalihom biex hekk kif isiru adoloxxenti jkunu aktar probabbli li jkomplu jkantaw l-innijiet.
Meta jkunu għadhom ċkejknin, huma jistgħu jitgħallmu jitolbu. Fid-dar, mgħallma mill-ġenituri, anke tfal mill-aktar ċkejkna jwaqqgħu dirgħajhom u jbaxxu rashom mal-bqija tal-familja. L-istess jiġri fil-laqgħa tas-sagrament waqt l-invokazzjoni, il-bendizzjoni, u t-talb tas-sagrament. Aħna nistgħu naqraw it-talb sabiħ u sinifikanti tas-sagrament fid-dar mat-tfal tagħna, u nispjegawlhom fil-livell tal-fehim tagħhom xi jfisser il-kliem. Jaf ikun ta’ għajnuna għal xi tfal ta’ età akbar li jippruvaw jimmemorizzaw it-talb. Bl-istess mod bħall-innijiet, huma “jisimgħu” il-kliem jekk jafuhom. Aħna nistgħu wkoll nispjegaw it-tifsira tas-sagrament b’mod li t-tfal tagħna jkunu jistgħu jifhmu.
Ngħinu t-Tfal Ikunu Xempju ta’ Qima
Hemm ħafna li nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil uliedna japprezzaw d-diskors mogħti fil-laqgħa tas-sagrament. Il-President Spencer W. Kimball tana parir: “Kumment okkażjonali mlissen minn taħt l-ilsien biex jikkjarifika … il-messaġġ tal-kelliem jista’ jgħin lit-tfal jirrelataw ma’ dak li qed jiġri. Per eżempju, minn taħt l-ilsien il-missier jista’ jlissen, ‘Dan hu papà ta’ Gordy li qed jitkellem issa. Bħalissa qed jitkellem dwar pijunieri.’”1
Minn ħin għall-ieħor il-ġenitur jista’ wkoll jirrakkonta fil-qosor dak li qed jingħad, u jiġbed l-attenzjoni tat-tfal fuq xi storja familjari mill-Iskrittura: “Ah, intom tafuha l-istorja! Din hija dwar Abinadi u s-Sultan Noè.”
Ovvjament dan kollu għandu jsir b’leħen sieket minn taħt l-ilsien, f’widnet tifel jew tifla, sabiex ma jtellifx lill-oħrajn.
Xi wħud mil-ġenituri jirraġunaw, “It-tfal tagħna huma kwieti sa wara li jkun għadda s-sagrament, u aħna nħossu li dan huwa biżżejjed.” Iżda l-laqgħa kollha hija ddedikata għall-qima, u t-tfal tagħna huma mistiedna għaliha kollha. Aħna nieħdu s-sagrament biex niftakru fl-Espjazzjoni tas-Salvatur u nġeddu l-patti tagħna miegħu. Id-diskors huma estensjonijiet ta’ dik it-tifkira u l-impenn.
Uliedna għandhom bżonn juru rispett lejn il-kelliema u jħossuh ukoll. Nistgħu nagħtu parir lil uliedna b’imħabba: “Naf li ma tistax tifhem kollox, iżda l-kelliema se jgħidulna xi jħossu li l-Mulej iridna nitgħallmu. Jien se ngħinkom tifhmu ftit, u mbagħad nistgħu nitkellmu aktar dwar dan wara li mmorru d-dar.”
Meta noqogħdu bilqiegħda ma’ ħbieb investigaturi fil-knisja, nixtiequ li jħossu l-Ispirtu u jikkonvertu. F’ċertu sens, uliedna huma wkoll l-investigaturi tagħna. Ma nħossux l-istess xewqat għalihom?
Ngħinu lit-Tfal Iħossu l-Ispirtu
Ħafna nies jattendu l-laqgħa tas-sagrament b’xewqa li jersqu aktar viċin il-Mulej u li jkunu ispirati mill-Ispirtu s-Santu. Imġiba ħażina minn xi ħadd minna tistaʼ tfixkel lil ħaddieħor mix-xewqa tagħhom li jqimu. Il-Presbiteru Alexander B. Morrison, li serva bħala membru tas-Sebgħin mill-1989 sal-2000, jitkellem dwar il-laqgħat tas-sagrament ġewwa l-Afrika: “Kulħadd, mit-tfal għall-adulti, qed isegwi lill-kelliem b’konċentrazzjoni mill-aktar intensa. M’hemm l-ebda par għajnejn li mhumiex fissi, u l-ebda persuna ġejja u sejra biex tixrob l-ilma jew biex tmur sal-kamra tal-banju. F’ċirkustanzi bħal dawn il-livell ta’ spiritwalità fil-laqgħat tas-sagrament huwa wieħed għoli.”2
Ma nistgħux inġiegħlu lil uliedna jqimu, iżda nistgħu ngħinuhom iġibu ruħhom b’modi li jistiednu lill-Ispirtu. Bla dubju, it-tfal kollha huma uniċi, u dak li jaħdem ma’ wieħed jista’ ma jaħdimx ma’ ieħor. Iżda l-ġenituri li jiddeċiedu bl-għajnuna tat-talb li jgħinu lil uliedhom iqimu u jħossu l-Ispirtu se jħossu ferħ kbir meta jsibu li huma intitolati għat-rivelazzjoni u ispirazzjoni dwar dil-ħaġa.
Minbarra l-familja immedjata, oħrajn jistgħu jinkoraġġixxu r-reverenza u r-rispett mit-tfal. Kelliema jistgħu jużaw lingwaġġ sempliċi u jinkludu stejjer familjari tal-Iskrittura. Diretturi tal-mużika u organisti jistgħu jinkludu mużika li t-tfal jagħrfu u jgawdu. Il-mexxejja tas-saċerdozju jistgħu jaħdmu biex jiżguraw li l-laqgħat jistiednu lill-Ispirtu s-Santu biex ikun preżenti.
Opportunità Tremenda
Is-servizzi ta’ qima huma opportunità tremenda għat-tfal biex jitgħallmu dwar il-kontroll tagħhom infushom u r-rispett għad-drittijiet u l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Dawn il-laqgħat sagri huma okkażjonijiet għalina lkoll biex naħdmu flimkien ħalli ngħinu lit-tfal jitgħallmu jħossu u jixtiequ l-ministrazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad ,hekk kif jikbru huma jiksbu mħabba profonda u dejjiema lejn is-Salvatur, imħabba li ssostnihom fit-trejqa stretta u dejqa lura f’dirgħajh.
Reverenza

“Jeħtieġ li nsaħħu l-laqgħat tas-sagrament tagħna u nagħmluhom sigħat ta’ qima b’intenzjoni ġenwina. Ikkoltivaw spirtu ta’ qima, attitudni li twassal biex in-nies jidħlu fil-kappella u jżommu l-kwiet, ikunu reverenti, u ħsiebhom fil-laqgħa. … Il-laqgħa tas-Sagrament għandha tkun ħin ta’ tiġdid spiritwali għal kullħadd, meta jinġabru nhar il-Ħadd biex jieħdu sehem fis-sagrament u jġeddu l-patti tagħhom mal-Mulej.”
Il-President Gordon B. Hinckley, Konferenza Reġjonali ta’ Pittsburgh Pennsylvania, Apr. 27, 1996; ikkwotat fl-Ensign, Aww. 1997, 6; Lulju 1997, 73.