Mistoqsijiet u Tweġibiet

“X’suppost qed naħseb waqt is-sagrament?”

Għalkemm aħna xhieda ta’ Ġesù Kristu l-ħin kollu, u f’kollox, u kullimkien (ara Mosija 18:9), xi minn daqqiet l-influwenzi fid-dinja ta’ madwarna jikkompetu għall-attenzjoni tagħna.  Is-sagrament jagħtina l-opportunità biex niffokaw fuq is-Salvatur mingħajr distrazzjonijiet.

Waqt is-sagrament, tista’ taħseb dwar it-tifsira u l-ġmiel tal-ordinanza.  Li tieħu sehem fis-sinjali tal-ġisem u d-demm tas-Salvatur jista’ jgħinek biex tirrifletti fuq s-sagrifiċċju infinit u espjatorju tiegħu.  Meta tieħu s-sagrament, int qed iġġedded il-patt tiegħek tal-magħmudija. Int u tagħmel dan, int tista’ ttenni l-impenn tiegħek li dejjem tiftakar fih u dejjem tħares il-kmandamenti tiegħu.

Tista’ ttejjeb l-esperjenza tas-sagrament billi tħejji ruħek spiritwalment.  Matul il-ġimgħa, qis li tistudja diskorsi tal-konferenza ġenerali jew siltiet mill-iskrittura li jgħinuk tiffoka fuq is-sagrifiċċju tas-Salvatur u d-dixxipulat tiegħek.  Waqt l-innu u t-talb tas-sagrament, iffoka fuq il-kliem li qed tkanta u tisma’, u kkontempla t-tifsir tiegħu.

Waqt is-sagrament, sib mument biex taħseb dwar it-tibdiliet li qed tagħmel fil-ħajja personali tiegħek biex issir iktar bħal Ġesù Kristu.  Wara li tkun ħadt sehem fis-sagrament b’mod den, inti tista’ tħossok nadif u safi, l-istess kif ħassejtek fil-jum tal-magħmudija tiegħek.

Ftakar fl-Aħħar Ċena

Għandna naħsbu fuq is-sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu u l-importanza li nieħdu b’mod den is-simboli ta’ ġismu u demmu.  Nistgħu naħsbu wkoll dwar il-mument meta bierek il-ħobż u l-inbid mat-Tnax-il Appostlu tiegħu.

Jonás A., 18-il sena, Morelos, il-Messiku

Aħseb dwar Ġesù Kristu

Waqt is-sagrament jiena naħseb dwar minn xiex għadda s-Salvatur sabiex aħna nistgħu nindmu mill-iżbalji li għamilna.  Naħseb ukoll fil-barkiet kollha li hu sawwab fuqi u fil-mirakli tal-għaġeb li wettaq u għad irid iwettaq. Aħna mberkin li nistgħu nieħdu sehem fis-sagrament sabiex inkunu nistgħu nindmu minn dnubietna u nimpenjaw ruħna li nkunu aħjar.

Andee B., 13-il sena, Utah, L-Istati Uniti tal-Amerka

Ixtarr il-Kliem tal-Innijiet tas-Sagrament

L-innijiet tas-sagrament jgħallmuna dak li għandna naħsbu dwaru waqt is-sagrament. Per eżempju, l-innu tas-sagrament favorit tiegħi, “B’Umiltà, Salvatur Tagħna” (Hymns, nu. 172), jgħid, “Tħallinix ninsa, O Salvatur, li int xerridt demmek u mitt għalija meta qalbek twaqqfet u nqasmet fuq is-salib tal-Kalvarju.” Li niftakar il-kliem tal-innijiet tas-sagrament matul din l-ordinanza sagra jgħinni nsib il-paċi u nkattar il-gratitudni tiegħi għall-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Austin B., 15-il sena, Alberta, il-Kanada

Ftakar u Agħraf

L-għan tas-sagrament huwa li nġeddu l-patti tagħna ma’ Missierna fis-Smewwiet u li nissaffu mid-dnubiet li ndimna minnhom. Waqt is-sagrament, aħna niftakru fis-sagrifiċċju ta’ Kristu għalina u nixtarru kif aħna qed napplikawh f’ħajjitna.  Jiena nipprova naħseb dwar dak li nkun għamilt matul il-ġimgħa u kemm ħarist tajjeb il-patti tiegħi mal-Missier.  Nagħraf id-dnubiet li nkun għamilt u niffoka fuq kif jien nista’ nuża l-Espjazzjoni biex negħlibhom.  Meta nagħmel dan, is-sagrament huwa esperjenza li televani u tqawwini spiritwalment.

Abagail P., 14-il sena, Arizona, L-Istati Uniti tal-Amerka

Rodd Ħajr għall-Barkiet

Waqt is-sagrament għandna naħsbu dwar kemm kien kbir is-sagrifiċċju li s-Salvatur għamel għalina u għandna jkollna ħajjitna mimlija gratitudni.  Meta nieħu s-sagrament, jien nħobb nrodd ħajr lill-Missier fis-Smewwiet u lil Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu, għall-barkiet li rċevejt.

Elen S., 16-il sena, Paraíba, il-Brażil

Tħallix Moħħok Jimraħ

Jien għandi karta żgħira mdeffsa fl-iskrittura tiegħi li dejjem infittixha kull nhar ta’ Ħadd waqt is-sagramemt.  Timmarkali lil Mosija 18, meta Alma iwaqqaf il-patt tal-magħmudija.  Il-karta għandha noti ċkejknin, bħal “Kun grat għall-Espjazzjoni,” miktubin fuqha biex jgħinuni niftakar l-għan u l-qdusija tas-sagrament.  Li nirrevedi dawn in-noti tgħini nżomm moħħi ffukat fuq l-għan u d-dimensjoni qaddisa tas-sagrament.

Alisha M.,  19-il sena, Texas, L-Istati Uniti tal-Amerka

Itfa’ Ħsibijietek fuq l-Espjazzjoni

Waqt is-sagrament, ħsibijieti jmorru fuq Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu. Huwa diffiċli għalija li nesprimi x’inħoss waqt is-sagrament meta naħdeb dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.  Jien naf li Ġesù Kristu kien magħżul biex ikun il-Feddej tagħna.  Naf li Hu jgħix.

Nephi B., 20 sena, Brazzaville, Ir-Repubblika tal-Kongo

Irriflettu fuq il-Patti Tiegħek

Meta kont għadni żgħir, l-unika ħaġa li kont naħseb dwarha waqt is-sagrament kienet kif stajt inkun kwiet.  Issa li nħaddan is-saċerdozju, jiena nifhem li sabiex is-sagrament ikollu sinifikat u jgħinni nikber spiritwalment, jeħtieġ li nirrifiletti waqt dawk il-mumenti. Naħseb dwar l-Espjazzjoni tas-Salvatur u kif uriena mħabbtu għalina. Naħseb ukoll kif li nieħu is-sagrament jista’ jgħinni nqawwi l-fidi u x-xewqa tiegħi biex inwettaq il-patt tiegħi tal-magħmudija.

Levi F., 19-i; sena, Abia, In-Niġerja

It-tweġibiet huma intenzjonati bħala għajnuna u perspettiva, u mhux bħala dikjarazzjonijiet uffiċjali ta’ duttrina tal-Knisja.

Warrab id-Dinja fil-Ġenb

“Meta kont għadni tifel, kienet tindaqq mużika sabiħa waqt li jkun qed jiġi mgħoddi s-sagrament. L-Aħwa ma damux wisq biex talbuna biex inwaqqfu dik il-prattika għaliex moħħna kien ikun ċċentrat fuq il-mużika iktar milli fuq is-sagrifiċċju espjatorju tal-Mulej u s-Salvatur tagħna.  Matul l-amministrazzjoni tas-sagrament, inwarrbu d-dinja fil-ġenb. Huwa perjodu ta’ tiġdid spiritwali hekk kif nagħrfu s-sinifikat profond spiritwali tal-ordinanza offrut lil kull wieħed u waħda minna personalment. Kieku kellna nsiru qisu xejn mhu xejn li nieħdu s-sagrament, kieku nitilfu l-opportunità ta’ tkabbir spiritwali.”

Il-Presbiteru L. Tom Perry tal-Kworum ta’ Tnax-il Appostlu, “As Now We Take the Sacrament,” Liahona, Mejju 2006, 41.