Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien qed taħdem biex tipprovdi siġġijiet tar-roti u apparat ieħor ta’ mobilità lil dawk fil-bżonn fil-pajjiżi Ewropej. B’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet umanitarji, il-Knisja pprovdiet ‘il fuq minn 1,500 siġġu tar-roti fl-Ewropa fl-2024, u kkontribwiet għall-aktar minn 750,000 siġġu tar-roti mogħtija madwar id-dinja mill-2001. Dawn is-siġġijiet tar-roti jippermettu lill-individwi jiksbu l-indipendenza u jibnu ħajja ġdida għalihom infushom.

“Is-siġġu tar-roti ppermettieli niċċaqlaq b’mod aktar ħieles, niltaqa’ ma’ ħbieb, u nieħu ħsieb fil-ħidma ta’ kuljum” qalet Fatbardha, benefiċjarja ta’ siġġu tar-roti mogħti mill-Knisja lill-Fondazzjoni Albaniża għad-Drittijiet tad-Diżabilità (ADRF). Id-diżabbiltà fiżika tagħha għamlitha diffiċli biex issib impjieg, iżda wara li rċeviet siġġu tar-roti u għajnuna għall-impjieg mill-ADRF, reġgħet kisbet lura l-kunfidenza u rikonoxxenza ta’ kontroll fuq ħajjitha. “Kont nibżaʼ mill-ġudizzju u l-ħasra taʼ ħaddieħor,” qalet hi, “imma s-siġġu tar-roti tani parti mil-libertà tiegħi lura. Jien issa aktar b’saħħti, kemm fiżikament kif ukoll emozzjonalment.”
L-isforzi umanitarji u ta’ għajnuna estensivi tal-Knisja huma ispirati mit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Fl-Ewropa, il-Knisja taħdem ma’ organizzazzjonijiet oħra biex tipprovdi għajnuna u tgħin lill-individwi biex jibnu l-awto-dipendenza u l-indipendenza. Il-proġett biex jiġu pprovduti siġġijiet tar-roti jallinja ma’ dik il-missjoni.
Ilir Gashi tal-organizzazzjoni umanitarja HandiKOS jaħdem biex jikkoordina d-distribuzzjoni tas-siġġijiet tar-roti pprovduti lill-Kosovo. “Il-benefiċjarji tas-siġġu tar-roti tagħna jerġgħu jiksbu l-indipendenza, il-mobilità u sens imġedded ta’ tama u ferħ, anke wara li esperjenzaw inċident li jibdel il-ħajja.”
Gashi jkompli, “Mingħajr l-għajnuna tal-organizzazzjonijiet li nikkollaboraw magħhom, kien ikun impossibbli li nwasslu l-firxa wiesgħa ta’ servizzi li noffru. Illum, nista’ ngħid bil-kunfidenza li ma nemminx li hemm ħadd fil-Kosovo li għandu bżonn siġġu tar-roti u li m’għandux aċċess għal wieħed.”
Siġġu tar-roti għandu jkun id-daqs korrett biex verament jgħin lill-individwu. Gael Yonnet, tabib mediku, huwa utent tas-siġġu tar-roti u missjunarju volontarju, li jissorvelja d-distribuzzjonijiet tas-siġġijiet tar-roti għall-Knisja fl-Ewropa. Hu jgħid li, “Siġġu tar-roti huwa bħal żarbun. L-istess bħalma għandek bżonn żarbun li jaqbel sew u li jkun magħmul għal attività speċifika, għandek bżonn siġġu tar-roti li jaqbel sew għall-attività li beħsiebek tagħmel, jew inkella jista’ jikkawża aktar ħsara u kumplikazzjonijiet.” Yonnet iħarreġ voluntiera f’organizzazzjonijiet umanitarji sabiex kull kandidat li jidħol ikun jista’ jirċievi siġġu tar-roti li huwa speċifikament adattat għall-bżonnijiet tagħhom.
Il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet umanitarji hija ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet. Yonnet jispjega, “Bħala Knisja, m’għandniex ir-riżorsi biex dejjem ikollna voluntiera f’kull pajjiż. Iżda billi naħdmu ma’ dawn l-organizzazzjonijiet li diġà huma stabbiliti f’kull pajjiż b’infrastruttura lesta biex tilħaq lin-nies, aħna nistgħu nkunu ferm aktar effettivi.”
Nataša Uskoković, Konsulent għar-Relazzjonijiet Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar tal-Montenegro, qalet, “Qabel ma bdew l-isforzi kollaborattivi tagħna mal-Knisja, il-proċedura biex tikseb siġġu tar-roti kienet wisq ikkumplikata u ħadet żmien twil għal nies li kellhom bżonnu. Issa, is-Salib l-Aħmar huwa rikonoxxut bħala organizzazzjoni li tipprovdi siġġijiet tar-roti fi ftit jiem, mingħajr ħlas.”

Is-Salib l-Aħmar tal-Montenegro bdiet tikkollabora mal-Knisja fuq donazzjonijiet ta’ siġġijiet tar-roti fl-2012. Minn dakinhar ‘l hawn, il-Knisja kkollaborat mas-Salib l-Aħmar fuq l-għajnuna tal-COVID-19, ir-rispons għall-għargħar, u proġetti oħra biex tappoġġja u ssaħħaħ l-isforzi tagħhom.
Id-donazzjonijiet li tagħmel il-Knisja għandhom impatt personali. Filwaqt li kienet għadha studenta, Besmira qalulha li għandha kundizzjoni newroloġika awtoimmuni. Hija żaret il-Workshop tas-Siġġu tar-Roti tal-Fondazzjoni Albaniża għad-Drittijiet tad-Diżabilità (ADRF) fil-belt ta’ Vore, fejn ġiet mgħammra għal siġġu tar-roti. Minbarra li rċeviet siġġu tar-roti, hija rċeviet ukoll appoġġ fl-impjieg mill-ADRF u eventwalment kisbet pożizzjoni fl-uffiċċji tal-Prim Ministru fl-Albanija. “Il-bidu huwa diffiċli,” qalet Besmira, “Imma ladarba tidra, tibda tara s-siġġu tar-roti bħala għodda li tagħtik l-indipendenza.”

Blerta Drenofci, id-Direttur Eżekuttiv tal-ADRF, qalet li s-sapport mill-Knisja u organizzazzjonijiet oħra tgħin biex tipprovdi “indipendenza lill-persuni b’diżabilità, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom billi tippermetti l-parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-komunità.” Hija kompliet, “F’pajjiżi bħall-Albanija, il-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet hija importanti biex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta’ għajnuna li mhix qed tintlaħaq. Id-donazzjonijiet tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ikkontribwew għat-twettiq tal-missjoni tal-organizzazzjoni tagħna, li hija t-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni b’diżabilità.”
Il-Knisja temmen li l-ħidma umanitarja hija ħidma ta’ Ġesù Kristu. Yonnet jgħid, “Il-karità tas-Salvatur malajr tispira u tinfirex minn persuna għal oħra. Meta nagħmlu aktar xogħol umanitarju f’ismu, aktar inħeġġu u nispiraw lill-oħrajn biex ikunu ta’ karità huma stess. Minnha toħroġ mewġa ta’ mħabba u ġenerożità.
“Il-President Spencer W. Kimball spjega li ħafna drabi huwa permezz ta’ ħaddieħor li [Alla] joffrilna l-għajnuna tiegħu. Bħala membri tal-Knisja, aħna mberkin li nkunu dak ix-xi ħadd, li nkunu għodda f’idejH u nieħdu sehem fil-ħidma Tiegħu hawn fid-dinja.”