
F’April 2023, il-President Nelson qal: “Ikunu xi jkunu l-mistoqsijiet jew il-problemi li għandek, it-tweġiba dejjem tinsab fil-ħajja u fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu” (1).
Ftakart f’dan meta jien u marti żorna l-kastell Frederiksborg fil-belt taʼ Hillerød fit-tramuntana ta’ Kopenħagen, id-Danimarka, flimkien ma’ xi membri sħabi tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal- Qaddisin tal-Aħħar Żmien li kienu qed iżuru dan il-post minn barra.
Il-kastell Frederiksborg huwa kastell sabiħ mibni mir-re Daniż Christian IV bejn l-1600 sal-1625 fl-istil Rinaxximentali Olandiż. Bħala parti mill-kastell, inbniet ukoll knisja u kamra tat-talb għar-re.
Wara nar devastanti fl-1859, il-pittur reliġjuż Carl Bloch intalab iżejjen il-kamra tat-talb ċkejkna li għadha kif ġiet restawrata b’pitturi li juru l-ħajja ta’ Kristu. Dawn il-pitturi ġew minsija mill-biċċa l-kbira tad-dinja sakemm il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fl-1962 stampat kopji tal-pitturi biex jintużaw mill-għalliema tal-Primarja u ta’ nhar il-Ħadd, u għall-ġenituri fid-dar.
Bdejna l-mawra tagħna tal-kastell mal-ħbieb tagħna billi l-ewwel morna fil-kamra tat-talb biex naraw il-pitturi oriġinali ta’ Carl Bloch. Wara li indikajt il-pitturi, mort fil-kmamar tal-ġirien biex inkompli d-dawra tal-kastell. Madankollu, ħadd ma segwani, għalhekk mort lura biex insib lill-oħrajn.
Meta ġejt lura fil-kamra tat-talb, sibt lil sħabna għadhom iħarsu lejn il-pitturi, imqanqlin ħafna b’dak li raw. Irrealizzajt li ġejt biex nuri lil sħabna xi pitturi sbieħ kważi bħalma jagħmel gwida mat-turisti, iżda kienu waqfu u ħadu l-ħin u l-isforz biex jaraw lil hinn minn dak li Carl Bloch kien pinġa tant sabiħ fuq ir-ram. Għalhekk, raw il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u tqanqlu mill-messaġġi tas-Salvatur tagħna.
Wara li rġajna ngħaqadna ma’ sħabna, kellna ħin memorabbli flimkien inħarsu lejn kull waħda mit-23 pittura separatament, u tkellmu dwar kull ġrajja f’ħajtu u l-messaġġi li nistgħu nitgħallmu. Bdejna bil-pittura li turi ż-żjara tal-anġlu lil Marija, u qalilha “Tibżax Marija: għax int sibt grazzja quddiem Alla. U, ara, se tnissel iben, u ssejjaħlu Ġesù. Jissejjaħ Bin l-Ogħli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru.” (2)
Spiċċajna bl-aħħar pittura li turi lil Ġesù Kristu rxoxtat. Din l-istampa hija tifkira għalija ta’ dak li Ġesù Kristu wettaq għalina lkoll. Dan huwa miġbur fil-qosor tant tajjeb minn Nefi fil-messaġġ ta’ ferħ tiegħu: “Jien neżulta fis‑sempliċità; neżulta fil‑verità; neżulta f’Ġesù tiegħi, għax hu ħeles ruħi mill‑infern.” (3)

L-esperjenza fil-kastell Frederiksborg quddiem il-pitturi ta’ Carl Bloch, li rajt ħafna drabi, kienet tifkira importanti għalija. Nistgħu nħarsu lejn pitturi ta’ Ġesù Kristu, jew nistgħu naqraw stejjer ta’ Ġesù Kristu, imma rridu nieħdu l-ħin u l-isforz biex nikkontemplaw il-messaġġi tat-tagħlim tiegħu u nirrelatawhom mal-ħajja tagħna. B’dan il-mod inkunu nistgħu “Tgħallem aktar dwar l-Espjazzjoni tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu, id-duttrina tiegħu, u l-evanġelju rrestawrat tiegħu li jfejjaqna u jgħinna fil-progressjoni tagħna. Duru Lejh! Imxu warajh!” (4) u nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet u l-problemi tagħna.
1. “It-tweġiba hija dejjem Ġesù Kristu”, Konferenza Ġenerali April 2023
2. Luqa 1:30-31
3. 2 Nefi 33:6
4. “It-Tweġiba Hija Dejjem Ġesù Kristu”, Konferenza Ġenerali April 2023