Reġjun Hatay, Türkiye 

Skejjel iffinanzjati permezz ta’ għotja umanitarja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien Jiftħu fir-reġjun Hatay f’Türkiye 

Fit-23 ta’ Ottubru, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, flimkien ma’ awtoritajiet Torok, inawguraw formalment tliet skejjel fir-reġjun Hatay fix-xlokk ta’ Türkiye.   Il-Presbiteru Rubén V. Alliaud, il-President tar-Reġjun Ċentrali tal-Knisja, u l-Presbiteru Jack N. Gerard, l-ewwel konsulent fil-Presidenza, flimkien ma’ rappreżentanti oħrajn tal-Knisja, attendew l-inawgurazzjoni fl-iskola fi Aşağioba, fid-distrett ta’ Antakya, fil-provinċja Hatay.  

Dr. Yusuf Tekin, il-Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonali tal-Gvern ta’ Türkiye, mexxa r-rappreżentazzjoni ta’ uffiċjali tal-gvern f’dan l-avveniment.   Mal-Minsitru Tekin ingħaqdu Mehmet Öntürk, is-Sindku tal-Muniċipalità Metropolitana ta’ Hatay, Vali Mustafa Masatli, il-Gvernatur tal-Provinċja Hatay, u Harun Tüysüz li huwa d-Direttur Provinċjali tal-Edukazzjoni Nazzjonali.   

Meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti fl-avveniment tal-inawgurazzjoni, il-Ministru Tekin enfasizza li l-prijorità ta’ dawk li fit-tmexxija ma kinitx biss biex jissostitwixxu l-iskejjel u l-klassijiet kollha li ġġarfu, iżda wkoll biex jużaw din l-opportunità biex jibnu ħafna iktar skejjel, “għax dan se jgħin biex ifejjaq it-trawma u l-effetti psikoloġiċi ta’ dan id-diżastru.” 

Il-Ministru Tekin irringrazzja wkoll lill-Knisja tas-sehem importanti tagħha fir-rikostruzzjoni, u rringrazzja lil dawk li wettqu bosta sagrifiċċji biex terġa’ tinġieb in-normalità fil-ħajja tar-reġjun milqut.  Huwa temm ir-rrimarki tiegħu billi qal li “Jien nħares lejn id-donaturi kollha bħala ħbiebna u l-ajjutanti tagħna.  Aħna nittamaw li dan se jkun eżempju kbir għad-dinja, speċjalment fi żmien meta tant nies qed isofru l-effetti tal-gwerer, konflitti, u diżastri”.  

Il-kostruzzjoni setgħet issir biss permezz ta’ donazzjonijiet mill-membri tal-Knisja madwar id-dinja u l-involviment dirett ta’ kumpaniji u negozji lokali.  Tnejn mill-kumpaniji involuti kienu Turmaks u FZA, li magħhom il-Knisja diġà ħadmet fil-passat.  

It-terremoti qawwija li laqtu lil Türkiye fis-6 ta’ Frar 2023 qerdu ħafna djar u għamlu ħsarat f’infrastrutturi importanti, inkluż skejjel.  L-istat ta’ destruzzjoni fir-reġjun ta’ Hatay, mhux wisq ’l bogħod mis-Sirja, kien partikolarment qawwi. Permezz tal-kostruzzjoni ta’ dawn l-iskejjel, it-tfal fil-komunitajiet ġirien ma jeħtiġux iktar li jimxu jew jivvjaġġaw distanzi twal biex ikomplu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom.  

Fl-indirizz li ta waqt l-inawgurazzjoni, il-Presbiteru Alliaud spejga għalfejn il-Knisja hija involuta f’dawn il-proġetti.  “Mhux biss qed nagħmlu dan għall-bini, qegħdin nagħmluh għall-futur”, huwa qal. “Mhux biss qed nibnu bil-brikks, imma qed nibnu wkoll bil-fidi, qed nibnu lin-nies, qed nibnu t-tama. Ma naħsibx li nistgħu nbiddlu l-passat, iżda ċertament nemmen li nistgħu nbiddlu l-futur”, żied jgħid.   “U jien nittama li din l-iskola, u l-ġmiel tagħha, se jikkontribwixxu b’xi mod biex niksbu dan li għidt.” 

Il-Knisja ilha tipprovdi għajnuna lil dawn ir-reġjuni f’Türkiye li kienu l-agħar li ntlaqtu mit-terrimoti ta’ Frar 2023.  Fl-aħħar ħames snin biss, il-Knisja implimentat 34 proġett f’Türkiye, u kopriet ħtiġijiet u reġjuni differenti.  Il-Knisja għandha impenn fundamentali biex tgħin lill-fqar u dawk fil-bżonn, li l-għeruq tiegħu jinsab fit-tagħlim u l-eżempju ta’ Ġesù Kristu.  Dan l-impenn huwa ggwidat permezz ta’ twemmin fis-siwi inerenti ta’ kull individwu u ta’ dedikazzjoni biex tittaffa t-tbatija u biex jittejbu l-awto-dipendenza u r-reżiljenza fil-komunità.  Il-bini ta’ skejjel elementari huwa eżampju mill-aqwa ta’ dan l-impenn. 

Harun Tuysuz, Direttur Provinċjali ta’ Hatay għall-Edukazzjoni Nazzjonali, irringrazzja lill-Knisja għall-għajnuna li pprovdiet fi żmien ta’ wara t-terrimot. Huwa għamel referenza speċifika għar-rwol li għandhom l-iskejjel fil-komunità lokali.  “Mis-sena l-oħra ’l hawn, aħna għamilna kull sforz biex niftħu l-iskejjel kemm jista’ jkun malajr.  Ir-raġuni ta’ dan kienet li wara diżastru daqstant kbir, aħna osservajna li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tagħna li emigraw kienu telqu minħabba skopijiet ta’ edukazzjoni”, huwa qal.    

“Aħna għidna lilna nfusna li jeħtieġ li nibnu l-iskejjel sabiex inkunu nistgħu nġibu lura liċ-ċittadini tagħna. B’dal-mod, aħna stinkajna biex ninormalizzaw u nattivaw il-belt tagħna, biex nreġġgħu l-ħajja ekonomika u l-ħajja kulturali lura għan-normal”, temm jgħid.  

Il-kostruzzjoni tal-iskejjel bdiet f’Mejju 2024 u ntemmet fi żmien rekord ta’ erba’ xhur.   It-tliet skejjel ġodda, mibnijin fl-irħula ta’ Aşağioba, Serinyol u Üzümdali, fid-distrett ta’ Antakya, jimxi fuq il-mudell li tħejja biex jiflaħ kontra terrimoti qawwijin.  Kull ħajt huwa modulari, b’qafas rafforzat tal-azzar, insulazzjoni u ħajt niexef fuq barra. Dan jipperemetti li l-bini jitla’ relattivament malajr.  Kull skola ġiet inawgurata bi tnax-il klassi għal total ta’ 360 tifel u tifla tal-età tal-primarja f’sessjonijiet doppji.  

Dawn l-iskejjel huma wkoll karatterizzati bid-disinn tagħhom: ħafna dawl naturali fil-kmamar u kuruduri, sala ta’ intrata spazjuża ħafna, rampi għal tfal bi bżonnijiet speċjali, żewġ laboratorji u kejbils ta-data, u anki arja kkundizzjonata u sistema ta’ sħana ċentrali li jissupplixxu l-bini kollu. Għandhom ukoll faċilitajiet għal attivitajiet sportivi u ġnien tal-iskola, u anki bosta postijiet fejn it-tfal jistgħu jilagħbu barra.  

Il-Knisja beħsiebha tkompli tinvolvi ruħha fis sforzi ta’ rikostruzzjoni f’Türkiye u tgħin biex tirritorna n-normalità fil-ħajja ta’ dawk li ntlaqtu serjament mit-terrimoti qawwijin.