Il-President Russell M. Nelson għallem li “bħala benefiċjarji tal-Ħolqien divin, x’għandna nagħmlu? Għandna nieħdu ħsieb id-dinja, nagħmlu dan b’għaqal, u nippreservawha għal ġenerazzjonijiet futuri. U għandna nħobbu u nieħdu ħsieb xulxin.”
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tfittex li ssegwi dan il-parir profetiku permezz ta’ tmexxija responsabbli tal-operazzjonijiet globali tagħha, li jinkludu djar tal-laqgħat, tempji, vetturi, rziezet, kif ukoll faċilitajiet tal-welfer u tal-edukazzjoni. Bosta programmi ilhom għaddejjin għal għexieren ta’ snin. Oħrajn ġew żviluppati f’dawn l-aħħar snin, hekk kif teknoloġiji u opportunitajiet ġodda saru disponibbli.
Biex tiggwida l-isforzi ta’ sostenibbiltà fl-operazzjonijiet estensivi tagħha, il-Knisja iddentifikat diversi prijoritajiet ewlenin, inklużi dawn li ġejjin:

Adotta l-enerġija rinnovabbli. Il-Knisja ilha tuża sistemi tal-enerġija solari fuq il-proprjetajiet tagħha mill-1986; sa minn Novembru 2024, aktar minn 750 bini tal-Knisja jipproduċu enerġija solari fuq il-propjetà stess, inkluż d-djar tal-laqgħat, t-tempji, l-iskejjel u l-maħżen. Mijiet ta’ binjiet oħra jieħdu sehem fi programmi mmexxija minn kumpaniji tal-enerġija biex id-dawl li jħallsu għalih jiġi minn sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, numru żgħir ta’ djar tal-laqgħat u tempji jużaw enerġija ġeotermika biex iżommu l-bini sħun jew frisk.

Tejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-Knisja ilha għal ħafna snin bil-għan li topera bini li jiffranka l-enerġija u li jżomm is-sħana u l-kesħa ġewwa skont il-bżonn. It-titjib reċenti jinkludi l-installazzjoni ta’ dwal LED, sistemi intelliġenti għat-tisħin, it-tkessiħ u l-irrigazzjoni, kif ukoll batteriji f’postijiet fejn il-grids tal-elettriku lokali mhumiex dejjem stabbli.
Ikkonserva l-ilma, skont il-bżonnijiet ekoloġiċi u r-riżorsi disponibbli. F’postijiet fejn ir-riżorsi tal-ilma huma limitati, il-Knisja qed tnaqqas l-użu fejn tista’ permezz ta’ sistemi intelliġenti għall-irrigazzjoni, tnaqqis ta’ ħdura fuq artijiet li ma jintużawx ħafna, u tibdil tal-pjanti b’oħrajn li għandhom bżonn ftit ilma (magħrufa bħala tisbiħ xeriku jew ġonna niexfa). F’koordinazzjoni ma’ gruppi pubbliċi, il-Knisja tat ukoll għexieren ta’ eluf ta’ drittijiet għalll-ilma biex tgħin tipproteġi l-wited tal-Great Salt Lake ta’ Utah fl-Istati Uniti.

Naqqas, uża mill-ġdid u irriċikla biex tevita ħela ta’ materjal. Il-Knisja tistinka biex takkwista materjali minn sorsi sostenibbli, filwaqt li tnaqqas l-ammont ta’ skart li jispiċċa fil-miżbliet. Inizjattivi notevoli jinkludu dawn li ġejjin:
- It-tazzi tas-sagrament kollha huma magħmula minn plastik riċiklat u jistgħu jerġgħu jiġu riċiklati wara s-servizz ta’ qima, fejn il-lokalità muniċipali tippermetti dan. Esperti indipendenti sabu li l-plastik riċiklat jagħmel l-inqas ħsara lill-ambjent, anke inqas mit-tażżi tal-karti.
- L-operazzjonijiet tal-istampar fl-Istati Uniti għandhom kapaċitajiet estensivi għar-riċiklaġġ.
- Elettronika qadima tinġabar minn kull bini tal-Knisja kemm fl-Istati Uniti u l-Kanada, biex terġa’ tintuża b’mod responsabbli jew tiġi riċiklata.
- Madwar l-Amerika Latina, il-ħwienet tad-distribuzzjoni tal-Knisja qed jibdlu l-boroż tal-plastik b’oħrajn li jistgħu jerġgħu jintużaw.
- L-operazzjonijiet tal-istampar ibbażati fil-Perù huma ċċertifikati għall-użu ta’ injam miġbur b’mod sostenibbli.
- Fil-Brażil, il-konferenzi taż-żgħażagħ bdew jużaw flokkijiet magħmula minn plastik riċiklat.
Naqqas l-emissjonijiet tat-trasport. Il-Knisja adottat standards għoljin ta’ effiċjenza fil-konsum tal-fjuwil għall-vetturi kollha tagħha li jintużaw madwar id-dinja, minn maniġers tal-faċilitajiet, missjunarji u ħaddiema oħra. Xelters għall-irbit tar-roti ġew ipprovduti f’lokalitajiet magħżula fejn l-użu tar-roti minn membri huwa għoli. Ċarġers għal vetturi elettriċi ġew installati f’numru żgħir ta’ tempji u djar tal-laqgħat fejn huma meħtieġa mil-liġijiet lokali jew fejn jitqiesu bħala opportunità strateġika.
Ippratikka d-disinn, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni sostenibbli tal-binjiet tagħna. Hekk kif il-Knisja tibni tempji u faċilitajiet oħra sbieħ, hija tqis b’attenzjoni l-materjali, l-għażla tal-postijiet u l-metodi meħtieġa biex tappoġġja l-operat u l-manutenzjoni fit-tul tagħhom b’mod sostenibbli u favur l-ambjent. F’inħawi aktar rurali, is-sostenibbiltà spiss tinvolvi l-użu ta’ disinji iżgħar u aktar lokalizzati, li jużaw inqas enerġija.

Ippratikka agrikoltura u t-trobbija sostenibbi fl-irziezet tal-welfer u tal-investiment tal-Knisja madwar id-dinja. Dawn l-isforzi jinkludu t-tħawwil ta’ uċuħ biex tiġi protetta l-ħamrija, it-tibdil tal-uċuħ skont l-istaġun, il-biedja mingħajr wisq tħammil tal-ħamrija, l-osservazzjoni ta’ kif l-annimali jużaw l-art, l-użu tat-teknoloġija biex jintuża inqas ilma u inqas kimiċi, u passi oħra biex l-art tibqa’ utli u tonqos il-ħsara lin-natura.

Adatta għar-riskji klimatiċi u tejjeb ir-reżiljenza, speċjalment fl-implimentazzjoni ta’ proġetti umanitarji rilevanti u fl-istandards tal-manutenzjoni tal-faċilitajiet. Iż-żjieda fl-avvenimenti klimatiċi estremi taffettwa l-aktar lill-persuni foqra u vulnerabbli peress li m’għandhomx ir-riżorsi biex jadattaw għal kundizzjonijiet aktar instabbli jew biex jirkupraw minn ħsarat fit-tul. Għal għexieren ta’ snin, il-Knisja ħadet sehem ta’ spiss f’proġetti biex isebbħu u jsaħħu l-komunitajiet lokali. Dawk il-proġetti jvarjaw minn sponsorjar ta’ ġonna urbani sa tnaqqis fl-erożjoni permezz tat-tħawwil tas-siġar. Barra minn hekk, il-Knisja, flimkien ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi akkreditati, tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal inizjattivi globali dwar is-sigurtà tal-ikel, l-indipendenza fl-enerġija u l-aċċess għal ilma nadif—oqsma kollha li għandhom konsiderazzjonijiet ambjentali importanti.