Jiena qrajt il-passaġġi tal-Ktieb ta' Mormon li jirrakkontaw l-istorja ta' Alma fl-Ilmijiet ta' Mormon bosta drabi u bi pjaċir kbir. Alma jistieden lil dawk miġbura fl-Ilmijiet ta' Mormon b'mod sabiħ biex jitgħammdu.(1) Vers minnhom jgħid, 'u issa, la intom tixtiequ ssiru parti mill-merħla ta’ Alla, u tibdew tissejħu l-poplu tiegħu, u lesti li ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin, ħalli tkun ħafifa. …'(2) Għalija dan dejjem kien ifisser li aħna bħala membri tal-Knisja ta' Ġesù Kristu ngħinu ntafgħu t-tagħbija ta' ħaddieħor. Aktar tard fil-ktieb ta' Mosija, in-nies ta' Alma ttieħdu fil-jasar Lamanita u bdew ibatu bil-kbir mill-Amuloniti, tant, li huma talbu lill-Mulej għall-għajnuna.(3) Il-Mulej wieġeb talbhom u ħaffef it-tagħbija tagħhom.(4)
Għalija, din minn dejjem kienet parti meraviljuża mill-istorja tal-poplu ta' Alma. Fl-evanġelju ta' Mattew naqraw, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom“.(5)
Jiena minn dejjem kont naf li l-Mulej jista' jtaffi t-tagħbija tal-poplu tiegħu, u kont rajtu b'għajnejja stess, meta l-membri tal-knisja għenu u appoġġjaw lil xulxin.
Iżda meta, wara ħames snin ta' mard, marti mietet sentejn ilu mill-kanċer, jiena esperjenzajt l-aktar jiem mudlama u l-aktar sigħat ta' niket f'ħajti sa dak il-punt. F'dawk is-sigħat u jiem, il-membri tal-familja tiegħi u l-Knisja qagħdu miegħi u sostnewni. Jiena grat għalihom ilkoll. Biex nevita li nkun id-dar waħdi, jien użajt kważi kull siegħa libera għas-servizz tal-Knisja. Dan kien ħadem sew għal ftit żmien, sakemm darba l-Ħadd filgħaxija, meta mort lura d-dar minn essajnment biex nippresedi fuq konferenza tal-pal.
Dak il-lejl kont megħlub bin-niket minħabba t-telfa tal-maħbuba marti, li għal bosta snin kont ili miżżewġ magħha. Ħassejtni ninħakem ukoll mill-biża' tal-futur, li nkun waħdi, u minn niket u dipressjoni mill-aktar profondi. Għal 48 siegħa, jien la stajt naħdem, la niekol, la noħrog mid-dar jew nagħmel xi ħaġa oħra. Imbagħad, meta sar insapportabbli, ftakart f'Pawlu jgħid, 'Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu',(6) kif ukoll l-iskrittura f'Mattew ġietni f'moħħi.(5) Fid-disperazzjoni tiegħi ħassejt li kont eżattament f'dak il-punt u kelli bżonn l-għajnuna. Għalhekk jiena nżilt għarkupptejja u għidt talba, fejn tlabt biex it-tagħbija tiegħi titħaffef, u mbagħad għidt talba oħra, fejn tlabt biex permezz tal-espjazzjoni ta' Ġesù Kristu t-tagħbija tiegħi titneħħa minni, ħalli nkun nista' nibqa' għaddej b'ħajti. Wara dik it-tieni talba ħassejt paċi kbira fuqi. Id-dalm, in-niket, u l-uġigħ li kien hemm madwari sfaxxaw. Minflok id-dalm, l-inħawi ta' madwari kienu mgħottija b’dawl qawwi, u t-tagħbija tiegħi tneħħiet minn fuq spalli. Mumenti wara jiena rnexxieli nwettaq id-dmirijiet u x-xogħol normali tiegħi, u għamilt dan b'talba ta' gratitudni f'qalbi. Wara li esperjenzajt u rajt l-espjazzjoni ta' Ġesù Kristu jnaddaf lin-nies mid-dnub u kif b'hekk fejjaqhom tul ħajti kollha, finalment stajt nesperjenza għalija nnifsi li l-wegħda tiegħu li jħaffef it-tagħbija tagħna hija madankollu aspett ieħor mill-qawwa tal-espjazzjoni tas-Salvatur. Huwa mhux biss sofra għad-dnubiet tad-dinja iżda ġarr fuqu wkoll it-tagħbija u l-uġigħ tagħna u t-tbatija tagħna.(7)
B'hekk, jiena nixhed li naf li l-qawwa tal-espjazzjoni tal-Mulej tagħna hija reali, u li tista' tfejjaq u ttaffi u ġġib il-paċi lil kull wieħed u waħda minna. 'Jekk intom tinsabu waħdkom, jekk jogħġobkom kunu afu li tistgħu ssibu l-faraġ. Jekk taqtgħu qalbkom, jekk jogħġobkom kunu afu li tistgħu ssibu t-tama. Jekk intom foqra fl-ispirtu, jekk jogħġobkom kunu afu li intom tistgħu tissaħħu. Jekk tħoss li inti miksur, jekk jogħġobkom kunu afu li tistgħu titfiequ.'(7)
1 Mosija 18:8-14
2 Mosija 8:8
3 Mosija 24:12–13
4 Mosija 24:14
5 Mattew 11:28–29
6 1 Korintin 10:13
7 Broken Things to Mend, Jeffrey R. Holland