Blog

Il-Laqgħa tas-Sagrament hija Esperjenza Li Ttellgħek fuq il-Quċċata tal-Muntanja?

Jekk aħna għandna rieda li nagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex iseħħ dak li se ngħid, il-laqgħa tas-sagrament tista’ tkun l-aktar siegħa antiċipata tal-ġimgħa tagħna.

Temple on a mountain

M’ilux, f’għodwa sabiħa tal-Ħadd, jien u sejjer id-dar mit-Tempju ta’ Bountiful ta’ Utah, għaddew bosta ċiklisti li kienu qed isiqu r-rota tagħhom bi tbatija kbira fid-direzzjoni opposta.  Kif kont nosservahom ibatu biex jitilgħu telgħa li għalija dehret bħala xi ħaġa impossibbli, l-ewwel ħsieb li ġie f’moħħi kien, “Dawn imġienen!” Jien ċert li l-profeta Iżaija kellu f’moħħu t-tempju ta’ Bountiful meta qal, “Għad jiġri fl-aħħar jiem, li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji” (Iżaija 2:2), għax tassew huwa fl-ogħla punt tal-munjanja fejn jista’ possibbilment ikun.

U issa kien hawn dal-qabda mġienen jippruvaw jitilgħu sal-quċċata tal-muntanja—muntanja li anki l-karozza tiegħi kienet tbati biex titla’—fuq ir-roti.  X’kien għaddej minn moħħhom?

Imbagħad ġet illuminat.  Forsi kienu qed jaħsbu li dik il-biċċa xogħol iebsa kienet qed iżżidilhom is-saħħa. Forsi kienu qed jaħsbu li li jilħqu l-quċċata kienet se tkun esperjenza tal-għaġeb minħabba l-prezz li kienu ħallsu biex jaslu sa hemm.  Forsi kienu qed jaħsbu li jien qatt ma kont se napprezza l-veduta daqshom għaliex jien ma kontx għaddejt mill-istess tbatija biex nasal sa hemm (li, inċidentalement, kienet vera għaliex jien lanqas biss kont tajt kas nara l-veduta sakemm rajt lilhom u ġegħluni nibda naħseb).  Forsi kienu qed jaħsbu li l-preparamenti kollha tagħhom biex jaslu dak il-punt kienu tabilħaqq vallapena.  Forsi ma kenux daqshekk imġienen wara kollox.

Jien u nikkonsidra l-esperjenza li kont qed nimmaġina għal dawk iċ-ċiklisti fuq il-quċċata tal-muntanja, bdejt naħseb dwar l-esperjenza li nittama li l-familja tiegħi u jien ikollna kull ġimgħa matul il-laqgħa tas-sagrament. Nippreparaw ruħna għall-esperjenza ta’ kull ġimgħa mal-Mulej, u nantaċipawha, bl-istess diliġenza u sforz? Dan l-aħħar smajna ħafna pariri dwar l-importanza li nħarsu b’mod qaddis Jum il-Mulej. Mid- direzzjoni ispirata tal-President Russell M. Nelosn matul il-konferenza ġenerali ta’ April 2015 sat-taħriġ speċjali li nispera li aħna lkoll ksibna fl-oqsma u l-fergħat tagħna, kellna ħafna x’nikkonsidraw dwar l-osservanza ta’ Jum il-Mulej u x’qed nagħmlu biex nagħmluh iktar sinifikattiv ta’ kull ġimgħa.

Tħejjija ta’ Kuljum

Ma nistax ngħid b’ċertezza, iżda ma naħsibx li dawk iċ-ċiklisti qabdu u rikbu r-roti tagħhom dik l-għodwa u ddeċidew li jitiligħu l-munjanja. Għaliex? Għaliex naf li, li kieku jien kelli nipprovaha, kont infalli b’mod ikrah wara biss 50 metru telgħa.  Aktarx li ħadmu ħafna għaliha kuljum fit-taħriġ fiżiku tagħhom sabiex ikollhom il-vjaġġ imtemmi b’suċċess.  Bl-istess mod, ma nistgħux nitfaċċaw għal-laqgħa tas-sagrament darba fil-ġimgħa bla preparazzjoni ta’ xejn, u nittamaw li jkollna esperjenza spiritwali. Jeħtieġ li nippreparaw għaliha ta’ kuljum.

Iż-Żoramiti fil-Ktieb ta’ Mormon attendew il-knisja kull ġimgħa. Iżda f’xi punt mal-medda taż-żmien huma ma baqgħux jaraw il-propju ċentru tal-evanġelju—Ġesù Kristu— u spiċċaw “ħatja ta’ nuqqasijiet kbar.” U għalhekk dik li kellha tkun esperjenza tassew sinifikattiva ta’ kull ġimgħa spiċċat laqgħa ordinarja li jridu jattendu ta’ bilfors. U meta kienu jlesti, “huma reġgħu lura fi djarhom, u ma tkellmux aktar dwar Alla tagħhom sa dakinhar meta huma reġgħu nġabru flimkien għal darb’oħra” (Alma 31:9, 23).

Biex nevitaw dawk l-istess żbalji, hawnhekk ġejjin ftit mistoqsijiet biex nikkonsidraw meta nevalwaw it-tħejjijiet ta’ kuljum għal-laqgħa tas-sagrament ta’ kull ġimgħa:

  • Għamilna dawk l-attivitajiet kollha tas-“Sibt—jum it-tħejjija” li jnaqqsu t-taħbit f’Jum il-Mulej? Ħabiba tiegħi riċentament kitbet fuq Facebook li, għall-familja tagħha, l-att sempliċi li tlesti ż-żraben kollha tal-knisja f’serbut mal-ħajt u ddendel il-ħwejjeġ kollha, il-klipps tax-xagħar, u l-ingravati mal-pumijiet tal-bibien kull nhar ta’ Sibt filgħaxija, iwassal biex l-esperjenza tal-laqgħa tas-sagrament tkun iktar sinifikattiva.
  • Ippruvajna ngħallmu lil uliedna l-importanza tar-reverenza matul il-laqgħa tas-sagrament? Ir-reverenza tfisser ħafna iktar minn kemm nokkupaw lit-tfal żgħar biex joqogħdu kwieti.  Hija sentiment ta’ mħabba u rispett għal dak li hu sagru.  It-tfal żgħar jistgħu jitgħallmu r-reverenza bi ftit inkuraġġiment minn adulti li huma għandhom fiduċja fihom.
  • Għallimniehom lil dawk li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Aron fi djarna u l-kworums tagħna kemm id-dmirijiet tas-saċerdozju tagħhom huma importanti matul il-laqgħa tas-sagrament? F’ Duttrina u Patti 13, aħna nitgħallmu li s-Saċerdozju ta’ Aron għandu l-imfietaħ tal-evanġelju tal-indiema.  Nifhmuh is-sinifikat ta’ dak l-irwol? Permezz tas-servizz tagħhom kull ġimgħa, huma qed joffrulna lkoll l-abbiltà li nindmu u nkunu maħfurin permezz tal-amministrazzjoni tas-sagrament.
  • Morna norqdu f’ħin raġonevoli s-Sibt filgħaxija biex inkunu żvelti matul il-laqgħa tas-sagrament?
  • Qed nagħmlu dak kollu li għandna bżonn nagħmlu matul il-ġimgħa biex nistiednu lill-Ispirtu f’ħajjitna sabiex meta jasal il-Ħadd, aħna ninsabu lesti u mimlijin ħeġġa biex ikollna esperjenza sinifikattiva mal-Mulej matul l-laqgħa tas-sagrament?
  • Ninsabu lesti biex nevalwaw l-attitudnijiet u l-imġiba personali tagħna u nikkomunikaw tabilħaqq mas-Salvatur matul l-amministrazzjoni tas-sagrament?

Fis-sessjoni tan-nisa waqt il-konferenza ġenerali, Sister Linda S. Reeves bi qlubija fakkret lill-aħwa nisa li “novelli romantiċi u seduttivi, sensiliet twal romantiċi fuq it-televiżjoni, nisa miżżewġin u maħbubin tagħhom mill-passat jerġgħu jagħmlu kuntatt fuq il-midja soċjali, u l-pornografija” huma wħud mill-għodda li Satana juża biex iżommna milli nitħejjew tajjeb għall-esperjenzi spiritwali li nfittxu. Dwar dawn l-affarjiet hija tat dan il-parir:  “Meta aħna ninvolvu ruħna li naraw, naqraw jew nesperjenzaw xi ħaġa li mhijiex skont l-istandards ta’ Missierna fis-Smewwiet, din tispiċċa biex iddgħajjifna.  Hi x’inhi l-età tagħna, jekk dak li nħarsu lejh, naqraw, nisimgħu jew nagħżlu ma jilħaqx l-istandards tal-Mulej li nsibu fil-pamflet Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, għandna nitfuh, inqattgħuh, narmuh u nsabbtu l-bieb.”

Ejjew Inkunu Lesti

Iċ-ċiklisti li rajt kienu lesti b’kull mod għal vjaġġ ta’ suċċess.  Bl-ilbies addattat, bit-tagħmir ta’ sigurtà addattat, u bl-għdda addattata, huma kienu lesti jitilgħu l-muntanja. Meta naslu fid-dar tal-laqgħat għal-laqgħa tas-sagrament kull ġimgħa, aħna ninsabu ppreparati bl-istess mod għal esperjenza spiritwali?

Hawn ġejjin ftit mistoqsijiet li għandna nikkonsidraw meta nkunu qed nevalwaw l-isforzi tagħna biex nikkontribwixxu għal laqgħa tas-sagrament sinifikattiva:

  • Immorru lebsin b’mod li huwa konsistenti ma-sewqa tagħna li nuru rispett u mħabba għall-Mulej.
  • Immorru b’qalb maqsuma u spirtu niedem, imħeġġin biex nindmu u nitgħallmu mill-Ispirtu s-Santu?
  • Naslu biżżejjed kmieni u nnaqqsu li nitkellmu fil-kappella biex inżommu s-sentiment reverenti li għandu jkun hemm f’dak il-post? Li nisimgħu fil-kwiet il-mużika tal-preludju huwa mod mill-aqwa biex wieħed iħejji ruħu għal-laqgħa.
  • Naċċertaw ruħna li nkunu rrifriskajna griżmejna u morna t-toilet qabel tibda l-laqgħa.
  • Ippruvajna nimminimizzaw id-distrazzjonijiet kollha, inkluż tagħmir elettroniku, speċjalment matul l-amministrazzjoni tas-sagrament? Il-Presbiteru Dallin H. Oaks għallimna: “Meta nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nagħmlu patt sagru li aħna se niftakru fis-Salvatur dejjem.  Kemm hi ħaġa ta’ niket li tara nies li ovvjamnet qed jiksru dak il-patt propju fil-laqgħa li fiha qed jagħmlu l-patt.”
  • Nafsu nsibu rkaptu bid-distrazzjonijiet tat-tfal żgħar b’modi effettivi?  Peress li l-familja hija fil-qofol tal-Knisja, it-tfal iż-żgħar se jkunu dejjem fattur importanti fis-servizzi tas-sagrament. Imma nistgħu mmorru ppreparati biex insibu rkaptu ta’ dawn id-distrazzjonijiet.  Jekk it-tfal huma tagħna stess, nistgħu noħorġuhom biex nikkontribwixxu għar-reverenza ġenerali tal-laqgħa.  U jekk it-tfal mhumiex tagħna, nistgħu ninjoraw distrazzjonijiet ċkejkin bla ma ngħaddu ġudizzju jew bla ma nitilfu s-sabar jew anki billi noffru l-għajnuna jekk ikun xieraq.
  • L-innijiet magħżula aħna nkantawhom b’reverenza u rispett? L-innijiet huma parti integrali tal-qima sinifikattiva, u aħna nistgħu nistiednu lill-Ispirtu u nitgħallmu mingħandu b’mod iktar effettiv meta nipparteċipaw.
  • Nantiċipaw esperjenza spiritwali matul il-laqgħa tas-sagrament u nibqgħu żvelti u attenti matul l-amministrazzjoni tas-sagrament u d-diskorsi?
  • Inqisu l-amministrazzjoni tas-sagrament bħala l-ftit mumenti l-aktar prezzjużi fil-ġimgħa tagħna? Permezz ta’ din l-ordinanza sagra, is-Salvatur joffri l-maħfra, il-qawwa, u opportunità li niftakru l-patti li għamilna.

L-istess bħall-biċċa l-kbira tal-affarjiet fil-ħajja, ilkoll kemm aħna se niksbu mil-laqgħa tas-sagrament eżattament dak li qed infittxu li niksbu minnha.  Jekk immorru b’antiċipazzjoni ta’ xi ħaġa ordinarja u ta’ dwejjaq, dak huwa li ċertament se nieħdu minnha.  Iżda jekk immorru ta’ kull ġimgħa infittxu sinċerament esperjenza spiritwali, waħda li fiha nistgħu nikkomunikaw ma’ Missierna fis-Smewwiet u mas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu—u għandna rieda li nagħmlu l-isforz meħtieġ biex inwettqu dan—se nsibu li għal madwar siegħa kull ġimgħa, aħna qed ikollna esperjenza ta’-fuq-il-muntanja li ġġegħilna ngħidu, “Kienet veru vallapena li nagħmel dak kollu biex nsala fejn jien.”

Jekk tkun trid titgħallem iżjed kif tista’ ttejjeb l-esperjenza tiegħek tal-laqgħa tas-sagrament, aqra d-diskors tal-Presbiteru Dallin H. Oaks “Il-Laqgħa tas-Sagrament u s-Sagrament” jew id-diskors tal-President Russell M. Nelson “Il-Qima fil-laqgħa tas-Sagrament,” jew are l-vidjo “Purposes of Sacrament Meeting.” Għal xi suġġerimenti oħra tassew tajbin, aqra l-artiklu “Getting the Most Out of Sacrament Meeting.”